“Jien Ukoll Bniedem” – Is-Sindku Tal-Kalkara Wayne Aquilina Dwar Ir-Responsabbiltà

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qasam messaġġ sinċier fuq il-midja soċjali fejn tkellem b'mod miftuħ dwar il-piż tar-responsabbiltajiet li jġorr kuljum fil-qadi tal-komunità tiegħu. Aquilina stqarr li hemm ġranet li lanqas ikunu waslu fi tmiemhom u diġà jħossu kompletament għajjien, filwaqt li enfasizza li meta tagħżel li taqdi lin-nies, tagħmel dan b'qalbek kollha.

"Hemm min jipprova jallega li aħna s-Sindki nagħmlu dan għall-flus," kiteb, filwaqt li spjega li l-ħidma ta' kuljum tinvolvi li jkun preżenti għar-residenti, jisma', jgħin, jieħu deċiżjonijiet, isolvi problemi u jwieġeb lil min ifittxu. Madankollu ammetta li kultant il-ħin u l-enerġija ma jkunux biżżejjed biex ilaħħaq ma' kollox.

Is-Sindku qal li jixtieq jagħti risposta lil kull min jikkuntattjah u jindirizza kull sitwazzjoni minnufih, iżda fakkar li hu wkoll persuna li tħoss l-għeja u l-piż tar-responsabbiltà. "Jiddispjaċini jekk xi darba ma nkunx nista' nagħti r-risposta jew l-attenzjoni li xi ħadd kien qed jistenna minni. Mhux għax ma jimpurtanix. Għall-kuntrarju, hu għax nipprova nagħmel l-almu tiegħi għal kulħadd, kuljum," kiteb.

Minkejja d-diffikultajiet, Aquilina qal li kull tbissima, kelma ta' apprezzament jew proġett li jagħmel differenza fil-Kalkara jfakkruh għaliex għażel li jservi lill-komunità tiegħu, anke jekk, kif qal hu stess, "mhux kulħadd japprezza." Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lil dawk li jifhmu li wara t-titlu ta' Sindku hemm persuna bħal kulħadd, b'jiem ta' saħħa u oħrajn ta' aktar għeja, filwaqt li sostna li jibqa' impenjat b'sinċerità lejn il-Kalkara u n-nies tagħha.

Aquilina ħabbar ukoll li wara Lejla Rnella ta' nhar is-Sibt li ġej se jieħu ftit jiem ta' mistrieħ biex iqatta' aktar ħin mal-familja u n-nies qrib tiegħu, bil-għan li jerġa' jiġbor l-enerġija meħtieġa biex ikompli bil-ħidma tiegħu favur il-lokalità.

Ritratti:

Facebook / Wayne Aquilina

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI