Ġie mniedi uffiċjalment il-ktieb il-ġdid Kannella, miktub minn Angie Farrugia Ellul mid-Direttorat għall-Kura Alternattiva, bil-għan li jkompli jrawwem aktar għarfien dwar il-kura alternattiva u jwassal messaġġi ta’ kuraġġ, tama u appoġġ lit-tfal li jesperjenzaw din ir-realtà.
F’post fuq il-midja soċjali, il-Ministru Michael Falzon spjega li l-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb hija pass ieħor lejn aktar sensibilizzazzjoni dwar is-suġġett, filwaqt li tgħin lit-tfal iħossuhom mifhuma u appoġġjati matul il-vjaġġ tagħhom.
Il-Ministru feraħ lid-Direttorat għall-Kura Alternattiva għal din l-inizjattiva, u saħaq fuq l-importanza tat-trobbija fit-tfulija. Huwa sostna li t-trobbija tat-tfal hija waħda mill-aktar fażijiet sensittivi u kruċjali tal-ħajja, hekk kif l-esperjenzi ta’ dawn is-snin iħallu impatt qawwi fuq l-iżvilupp personali tagħhom fil-futur.
Permezz ta’ Kannella, id-Direttorat qed joffri riżorsa li mhux biss tgħin biex jinbena aktar għarfien dwar il-kura alternattiva, iżda wkoll twassal messaġġ ta’ inkoraġġiment lit-tfal u lill-familji li jkunu għaddejjin minn dawn iċ-ċirkustanzi.