Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, esprima d-diżappunt tiegħu dwar il-mod kif xi negozji qed jarmu l-iskart kummerċjali, minkejja l-isforzi kontinwi li qed isiru biex il-Belt tinżamm nadifa.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, McKay qal li qabel jitkellem pubblikament dejjem jipprova jiddjaloga, iżda sostna li meta t-tentattivi ma jwasslu mkien, il-messaġġ irid jasal. Huwa spjega li kull lejl isir tindif estensiv bil-powerwash u magni speċjalizzati, iżda xorta waħda qed ikun hemm min joħroġ boroż tal-iskart miftuħin, b’likwidu u żejt jixtered fit-toroq.
Is-sindku qal li dawk li qed jabbużaw qed jiġu rrappurtati minnufih, filwaqt li rringrazzja lis-sidien tal-ħwienet li jimxu mar-regolamenti. Fakkar ukoll li l-iskart kummerċjali għandu jinġabar minn private collector, jinħareġ wara s-1:00am u jitqiegħed f’bin on wheels. Temm jappella għal aktar kollaborazzjoni biex il-Belt Valletta tibqa’ nadifa.
Facebook/Olaf McKay