John Busuttil permezz tal-paġna Ilwien jaqsam ritratt ta’ ibnu Damian Busuttil li jgħix ġewwa l-Ġappun. Minkejja l-isfida li ltaqa’ magħhom kemm ilu jgħix hemm, baqa’ miexi ‘l quddiem u ma ħalla l-ebda intopp iwaqqfu!
Hu jibda, “Kemm jien kburi b’ibni, Damian Busuttil, li tela’ l-Ġappun bla ma qal kelma bil-Ġappuniż! Beda t-triq iebsa billi kien jaħdem bħala bartender f’club esklussiv. Tgħallem jitkellem bil-Ġappuniż b’mod fluwenti u beda jgħallem lit-tfal – u anke lil kbar – il-lingwa Ingliża.”
John iżid, “Dan l-aħħar daħal jaħdem ma’ kumpanija Amerikana taż-żejt għall-karozzi, u ngħata premju għax żied 100 klijent ġdid. Illum, f’serata li saret apposta f’Tokyo, ngħata promozzjoni bħala Manager taż-żona tat-Tramuntana (Hokkaido) fil-Ġappun.”
Ma’ dan hu jgħid, “U dan kollu mingħajr għajnuna ta’ ħadd – m’hemmx ħbieb tal-ħbieb. Imma ħadem għalih u għall-familja tiegħu, f’dawn il-20 sena li ilu jgħix fil-Ġappun.”
John jistqarr, “Iva, niftaħar b’ibni… Għaliex le? Inħossni kburi li ibni, Malti u Busuttil, qed jagħmel suċċess fil-Ġappun – pajjiż fejn kulħadd jaf li mhux faċli tkun Ewropew u timxi ’l quddiem. Min ma jitkellimx il-lingwa tagħhom, m’hemmx xogħol għalih… aħseb u ara tingħata premji f’kumpaniji kbar!”
Hu jtemm, “L-uniku Malti u l-uniku Ewropew f’din il-kumpanija.”
Facebook / Ilwien