Id-dinja ħadet xokk kbir meta fil-25 ta’ Ġunju 2009, ġiet imħabbra l-mewt ta’ Michael Jackson. Michael kien ikkunsidrat bħala ikona u leġġenda, kif ukoll bħala wieħed mill-aktar artisti ta’ suċċess ta’ kull żmien. Huwa inkontestabbli li Michael kien u jibqa’ ġgant fl-industrija tal-mużika.
Michael twieled fid-29 t’Awwissu 1958 ġewwa Gary, Indiana fl-Istati Uniti. B’hekk, kieku għadu ħaj, illum kien jagħlaq 63 sena. Hu beda fl-industrija tal-mużika flimkien ma’ ħutu fil-grupp Jackson 5 fejn kien diġà seraq qalb in-nies. Fl-1971, beda l-karriera tiegħu bħala solo artist u għen fit-tiswir tal-mużika, il-ħoss, l-istil u l-moda tat-tmeninijiet.
Jackson kien famuż mhux biss għall-karriera ta ’suċċess tiegħu iżda wkoll għax-xogħlijiet filantropiċi u umanitarji tiegħu. Huwa kien stabbilixxa wkoll organizzazzjoni msejħa Heal The World biex tgħin tfal foqra madwar id-dinja.
Uħud mill-aqwa kanzunetti tiegħu huma: Man In The Mirror, Billie Jean, Smooth Criminal, Thriller, Heal The World, u Bad fost l-oħrajn.