Għat-tnax-il sena konsekuttiva, reġgħu nfetħu l-applikazzjonijiet għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC bla ħlas, organizzati permezz tal-proġett Youth Guarantee u kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus. Dawn il- klassijiet huma mmirati lejn studenti li se jkunu qed jagħmlu r-resits fil-Bijoloġija, l- Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika f’Settembru li ġej.
Sa mill-bidu tagħhom fl-2014, il-Klassijiet Preventivi tas-SEC għenu aktar minn 6,000 student u taw riżultati pożittivi sena wara sena. Permezz ta’ dan l-investiment, l- istudenti qed jingħataw sapport akkademiku u nkoraġġiment biex ikomplu bl- esperjenza edukattiva tagħhom.
Il-klassijiet se jibdew fit-23 ta’ Lulju u jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat. Studenti ta’ bejn il-15 u d-29 sena li ma laħqux il-Livell 3, li ġabu “U”, jew li ġew immarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti msemmija hawn fuq huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.
L-istudenti jistgħu jattendu dawn il-klassijiet f’wieħed miċ-ċentri; Il-Mosta, Pembroke, Raħal Ġdid, u r-Rabat (Għawdex), u jistgħu jagħżlu li jattendu sa massimu ta’ tliet suġġetti, inkluża għażla waħda minn suġġetti tax-xjenza (Bijoloġija jew Fiżika). L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sal-Ħamis, 17 ta’ Lulju 2025.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC taħt il-proġett Youth Guarantee, wieħed jista’ jċempel fuq 79534001 jew 79534002, iżur is-sit elettroniku jew il-paġna ta’ Facebook – Youth Guarantee Malta.
Meta japplikaw għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni, l-istudenti mhumiex qed japplikaw awtomatikament għar-resits. Għalhekk, għandhom japplikaw għar-resits mal- MATSEC separatament.