“Kont Kważi Qtajt Qalbi…” – Johan Mifsud B’Messaġġ Qawwi Dwar Diversi Esperjenzi Li Għadda Minnhom Hu U Jikber

Johan Mifsud qasam messaġġ personali u emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn fetaħ qalbu dwar id-diffikultajiet li għadda minnhom tul ħajtu u l-karriera tiegħu. Fil-kitba tiegħu, Johan stqarr kif sa minn meta kien żgħir dejjem kien meqjus bħala persuna “sensittiva ħafna” u b’qalb tajba wisq, tant li skontu kien hemm min iħossu skomdu bil-preżenza tiegħu.

Huwa qal ukoll li minkejja li dejjem ħass li għandu talent kbir, ħafna drabi sab bibien magħluqin quddiemu u persuni li ppruvaw iwaqqfuh milli jkun parti minn diversi proġetti.



“Kont kważi qtajt qalbi … sakemm fhimt,” kiteb Johan, hekk kif spjega li maż-żmien induna li hemm nies li jibżgħu minn min għandu kapaċitajiet jew talent akbar minnhom. Skontu, xi kultant dawn in-nies jippruvaw iwaqqfu lil oħrajn milli jirnexxu billi ma jagħtuhomx opportunità.



Johan ammetta wkoll li kellu jaħdem ħafna biex wasal fejn jinsab illum u li bata ħafna tul it-triq, iżda sostna li fl-aħħar mill-aħħar “it-tajjeb jirbaħ dejjem”.

Fl-istess messaġġ, Johan għadda kliem ta’ kuraġġ lil dawk li għadhom jibdew il-karriera tagħhom. Huwa ħeġġiġhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom, anke meta jħossuhom miċħuda jew minsija.

“Iktar ma molla tafasa l-isfel, iktar se tisplodi ’l fuq f’xi ħin jew ieħor,” kiteb Johan, qabel temm il-messaġġ tiegħu bil-kliem, “Taqta’ qalbek qatt.”

Il-kitba tiegħu ġabet ħafna reazzjonijiet pożittivi mingħand segwaċi, li faħħru s-sinċerità tiegħu u l-messaġġ ta’ tama li wassal.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI