Minkejja li Għawdex gżira żgħira, ma nistgħux neskludu l-fatt li fih taħlita mill-isbaħ ta’ storja, kultura u pajsaġġi naturali. F’pubblikazzjoni fuq Facebook, il-paġna Historic Malta tefgħet l-attenzjoni tagħha fuq ħames postijiet li bla dubju juru x'toffri din il-gżira tant sabiħa.
Fosthom tissemma iċ-Ċittadella, li tiddomina x-xefaq tar-Rabat u ġġorr magħha sekli ta’ storja, kif ukoll is-Santwarju ta’ Pinu, li jispikka fost il-pajsaġġ Għawdxi. Ma jonqosx ukoll li jissemmew ir-Ramla l-Ħamra, bir-ramel ħamrani tagħha u d-Dwejra, magħrufa għall-formazzjonijiet tal-blat u l-veduti mill-isbaħ tal-baħar.
Apparti dan, il-paġna qasmet ukoll fatt li mhux kulħadd jaf. Saħqet li t-Tempji tal-Ġgantija, fix-Xagħra, imorru lura għal madwar is-sena 3600 QK, filwaqt li l-bini tal-Piramida l-Kbira ta’ Giza beda madwar l-2550 QK. Fi kliem ieħor, il-bini tal-Ġgantija beda madwar elf sena qabel dak tal-piramida famuża tal-Eġittu!
It-Tempji tal-Ġgantija huma wkoll parti mill-Wirt Dinji tal-UNESCO, xhieda tal-importanza ta’ dan il-wirt preistoriku.
Facebook/ Historic Malta & pixels