KUL – Ikla Ta’ Malajr: Aiken Buhagiar Bi Programm Ġdid Għal Min Iħobb L-Ikel U Għandu Ftit Ħin

Mit-28 ta’ Settembru, l-iskeda ta’ waranofsinhar fuq Tokis se tilqa’ programm ġdid li għandu jolqot il-gosti ta’ dawk kollha li jħobbu l-ikel iżda mhux dejjem ikollhom ħafna ħin x’iqattgħu fil-kċina. KUL – Ikla ta’ Malajr se jkun qed jixxandar esklussivament fuq Tokis, b’Aiken Buhagiar fit-tmun.

KUL – Ikla ta’ Malajr huwa programm frisk u dinamiku ta’ 20 minuta li jgħaqqad il-passjoni għall-ikel mar-realtà tal-ħajja mgħaġġla tal-lum. Fil-qalba tiegħu nsibu lill-kok Aiken Buhagiar, wiċċ familjari mat-telespettaturi Maltin permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fi produzzjonijiet bħal Strada Stretta u Star of the Day. Din id-darba, Aiken se jkun qed juża l-esperjenza tiegħu fil-kċina u l-personalità spontanja tiegħu biex iwassal riċetti u ideat li wieħed jista’ faċilment jipprova d-dar.

U mhux se jkun waħdu! Matul is-sensiela, uħud mill-aqwa koki Maltin se jingħaqdu miegħu biex jippreparaw riċetti differenti, filwaqt li jaqsmu s-sigrieti, il-pariri u l-esperjenzi tagħhom fil-kċina.

Kull episodju se jiffoka fuq riċetta differenti li tista’ titħejja f’ħin relattivament qasir, b’ingredjenti aċċessibbli u metodi li jistgħu jiġu riprodotti faċilment id-dar. Aiken u l-kok mistieden se jmexxu lit-telespettaturi pass pass tul ir-riċetta, iżda KUL mhux se jkun sempliċement programm ta’ tisjir. Il-koki se jaqsmu wkoll tricks tal-kċina, informazzjoni dwar l-ingredjenti u alternattivi li wieħed jista’ juża. Il-konversazzjoni bejn Aiken u l-mistieden għandha tagħti wkoll karattru differenti lil kull episodju.

Il-varjetà se tkun element importanti tas-sensiela. It-telespettaturi jistgħu jistennew platti ispirati mill-kċina tradizzjonali Maltija, riċetti moderni, ideat għall-familja u ikliet għal dawk il-ġranet meta l-ħin ikun limitat. Se jintwerew ukoll modi differenti kif ingredjenti sempliċi jistgħu jinbidlu fi platt mill-aqwa.

Għalhekk, 20 minuta, koki differenti, riċetti varjati u ħafna ideat prattiċi – dik hija l-formula wara KUL – Ikla ta’ Malajr. Il-programm se jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-18:30 fuq Tokis.

L-iskeda 2026/27 ta’ Tokis tibda fl-24 ta’ Settembru bir-ritorn ta’ Il-Kliem Moħbi għat-tieni staġun. Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru mbagħad tibda l-iskeda l-ġdida ta’ waranofsinhar, b’ħames programmi differenti, filwaqt li dakinhar stess filgħaxija jiddebutta wkoll Il-Ħajjata - Charles & Ron.

Min għad m’għandux Tokis bħalissa jista’ jipprova GO TV għal tliet xhur mingħajr ħlas, bħala parti minn offerta għal żmien limitat. L-offerta tinkludi l-Start Plan tal-GO TV b’20 stazzjon Malti u Taljan, fosthom Tokis fuq stazzjon 100, kif ukoll il-librerija Tokis On Demand.

Wara li wieħed jabbona, jirċievi d-dettalji tal-login u jkun jista’ jniżżel il-GO TV app fuq id-devices tiegħu. Mhux meħtieġ li jkollu servizzi oħra ta’ GO, hekk kif l-app taħdem permezz ta’ kwalunkwe servizz tal-internet. Wara l-ewwel tliet xhur mingħajr ħlas, l-abbonament jiswa €5.99 fix-xahar għal dawk li jagħżlu li jkomplu jużaw is-servizz.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI