Mark Camilleri tkellem dwar l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ attakk razzist online, fejn qal li l-kumment ma kienx immirat lejh iżda lejn ibnu ta’ tliet snin minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Camilleri qal li ddeċieda li ma jirriproduċix il-kumment biex ma jagħtix sodisfazzjon lil min kitbu, iżda spjega li kien attakk dirett minn profil falz li ntuża biex ixerred il-mibegħda.
Camilleri qal li ma jistax jifhem għaliex xi ħadd jagħżel li jattakka tifel ta’ tliet snin, u semma żewġ possibbiltajiet: ir-razziżmu pur jew tentattiv ta’ intimidazzjoni.
Dwar ir-razziżmu, huwa sostna li min jemmen li l-kulur tal-ġilda jiddetermina l-valur ta’ persuna jkun qed juri nuqqas ta’ għarfien. Filwaqt li dwar l-intimidazzjoni, qal li l-attakki minn profili foloz żdiedu wara l-involviment tiegħu fil-politika.
Huwa enfasizza wkoll li mhux qed jitkellem dwar l-umoriżmu, iżda dwar kummenti li għandhom l-għan ċar li jweġġgħu jew jiddiskriminaw.
Rigward il-libertà tal-espressjoni, Camilleri qal li ma jemminx li din għandha tiġi limitata aktar mil-liġijiet eżistenti dwar diskors ta’ mibegħda, iżda żied li dan l-inċident fakkru fl-importanza li jgħallem lil ibnu jkun b’saħħtu quddiem l-injoranza u l-mibegħda.
“Dan jikkonferma l-impenn tiegħi li dejjem niġġieled kontra r-razziżmu u kull forma ta’ diskriminazzjoni,” kiteb Camilleri.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi qal li din hija ġlieda li lest jappoġġja tul ħajtu kollha, filwaqt li bagħat messaġġ qawwi lil dawk li jużaw ir-razziżmu jew profili foloz biex jattakkaw lil ħaddieħor.
Facebook/Mark Camilleri Gambin