Il-Kor Nazzjonali Malti tat-Tfal twaqqaf fl-2016 meta d-diretturi ħassew il-bżonn għalih biex mhux biss joffri lezzjonijiet tal-kant, imma wkoll li jkunu organizzati produzzjonijiet fuq livell lokali u anke internazzjonali. Il-Kor huwa impenjat li jrawwem it-talent żagħżugħ, jinkoraġġixxi l-imħabba lejn il-mużika, u jispira l-eċċellenza permezz ta’ prestazzjonijiet kollaborattivi. Il-viżjoni tal-kor hija li jinħoloq ambjent inklussiv u ta’ sostenn fejn il-vuċi ta’ kull tifel u tifla tiġi apprezzata, tinbena l-kunfidenza, u jinbnew ħbiberiji u tinħoloq sens ta’ familja.
L-għalliema u direttriċi tal-kor, is-Sa. Stephanie Spiteri, tinsisti dwar l-inklużjoni fil-kor għaliex temmen li bis-saħħa tal-kant u tal-arti performattiva, jinħoloq sens ta’ komunità li bih uliedna jkunu jistgħu jesprimu rwieħhom, jirrilassaw, jieħdu pjaċir u jagħmlu ħbieb ġodda. L-età tat-tfal li huma parti mill-kor tvarja bejn il-ħames snin u l-ħmistax-il sena.

Il-kor iħeġġukom biex tingħaqdu magħhom għal “The Enchanted Christmas Show – A North Pole Adventure” – spettaklu maġiku li se jferraħ lil kulħadd. Dan l-ispettaklu se jsir ġewwa s-City Theatre, il-Belt Valletta, fis-6, 7 u 8 ta’ Diċembru. Din hija esperjenza għall- familja kollha li tinvolvi kanzunetti magħrufa tal-Milied, kif ukoll diski pop tal-mument, logħob u attivitajiet interattivi.
Dan huwa l-mod perfett biex tibdew tiċċelebraw il-festi tal-Milied bi spirtu sabiħ u memorji li tibqgħu tgħożżu. Ixtru l-biljetti tagħkom illum u ingħaqdu magħhom għal dan l-ispettaklu mimli divertiment, logħob u mużika!