Matul l-2025, l-Awtorità tad-Djar għenet aktar minn 15,200 familja permezz ta’ investiment ta’ €50 miljun, filwaqt li 339 familja rnexxielhom isiru sidien ta’ darhom permezz tal-iskemi tagħha – ekwivalenti għal kważi familja kuljum.
Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati waqt laqgħa bejn il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici u t-tmexxija tal-Awtorità tad-Djar, li matul din is-sena qed tfakkar il-50 anniversarju tagħha. Ġie ppreżentat ukoll il-Pjan Strateġiku 2027–2029.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dawn ir-riżultati juru kif il-politika tal-Gvern fil-qasam tal-akkomodazzjoni qed tkompli tgħin lill-familji jilħqu l-ħolma tas-sjieda tad-dar u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Ir-Rapport Annwali juri wkoll titjib fis-servizzi permezz tat-trasformazzjoni diġitali, li naqqset il-ħin tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-Benefiċċju tal-Kera minn 69 jum għal 23 jum.
Barra minn hekk, aktar minn €4.2 miljun ġew investiti fir-riġenerazzjoni ta’ 79 blokk residenzjali, fl-installazzjoni ta’ 42 lift ġdid u f’1,207 intervent ta’ manutenzjoni u tiswija. L-Awtorità kompliet issaħħaħ ukoll l-appoġġ lil persuni vulnerabbli permezz ta’ assessjar soċjali, programmi ta’ outreach u miżuri ġodda għal vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-Pjan Strateġiku 2027–2029 jiffoka fuq aktar diġitalizzazzjoni, b’mira li sal-2028 l-Awtorità tkun kompletament paperless, flimkien ma’ investimenti fis-sostenibbiltà, fl-effiċjenza enerġetika u fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali biex jitjiebu s-servizzi.