Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Membru Parlamentari Owen Bonnici ħabbar li l-Gvern se jkun qed jipprovdi assistenza lill-familja li tilfet darha wara n-nirien li seħħew fil-jiem li għaddew fil-Gżira.
F'post li qasam fuq il-midja soċjali, Bonnici spjega li l-proċess biex tiġi offruta l-għajnuna beda immedjatament wara l-inċident, b'ħidma flimkien mal-Awtorità tad-Djar sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-familja milquta.
"Wara n-nirien li seħħew fil-ġranet li għaddew fil-Gżira, minnufih bdejna naħdmu sabiex, bil-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar, nidentifikaw il-ħtiġijiet tal-familja li ġiet milquta u tilfet darha," kiteb il-Ministru.
Huwa sostna li huwa dmir tal-awtoritajiet li jipprovdu l-għajnuna meħtieġa lil persuni li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet diffiċli, u għalhekk tħabbar li l-familja se tingħata l-appoġġ meħtieġ għal akkomodazzjoni temporanja.
"Se nkunu qed nassistu lil din il-familja għall-akkomodazzjoni temporanja u meħtieġa tagħhom," qal Bonnici. Il-Ministru żied li dan l-appoġġ jifforma parti mill-impenn tal-Gvern li jibqa' qrib dawk li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli, u temm il-messaġġ tiegħu billi sostna li "hekk tkun soċjetà ġusta."
Facebook / Owen Bonnici