L-Arċisqof Charles Scicluna Jaqsam Ħsieb Fit-80 Anniversarju Mill-Ftuħ Tal-Iskola St Michael

Arċidjoċesi J Scicluna

Waqt quddiesa li saret fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mill-ftuħ tal-Iskola St Michael, l-Arċisqof Charles Scicluna saħaq fuq l-importanza li l-edukazzjoni tmur lil hinn mit-tagħlim akkademiku u tgħin lill-bniedem jiskopri l-valur tal-paċi u tal-maħfra.

Huwa staqsa x’tiswa l-esperjenza edukattiva jekk ma ngħallmux lil xulxin insibu t-teżor kbir tal-paċi fil-qalb li tiġi wara l-maħfra.

L-Arċisqof spjega li r-rikonċiljazzjoni tfisser li naċċettaw lilna nfusna u lil xulxin, filwaqt li nilqgħu lil Alla f’ħajjitna. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikunu strumenti ta’ ferħ għal xulxin u jikkontribwixxu għal ambjent mibni fuq l-imħabba, il-paċi u l-għaqda.

Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, l-Arċisqof fakkar ukoll fil-messaġġi tal-fundatur San Ġorġ Preca, li għadhom rilevanti u attwali sal-lum.

Huwa enfasizza li, filwaqt li għandna napprezzaw il-ħiliet umani, it-talenti u d-dinjità tax-xogħol, ma rridux nittraskuraw il-valuri fundamentali tal-onestà u l-integrità, kif ukoll l-importanza tal-ħajja spiritwali.

Il-messaġġ huwa li l-edukazzjoni għandha tifforma mhux biss persuni kapaċi u mħejjija għad-dinja tax-xogħol, iżda wkoll individwi ta’ prinċipju, li jgħixu b’rispett lejn xulxin u li jagħrfu l-valur tal-paċi, tal-maħfra u tal-fidi.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI