L-awtoritajiet tas-saħħa m’għadhomx qed jagħtu parir lin-nisa biex jevitaw it-tqala jekk jitlaqqmu iżda jgħidu li dawk f’riskju għoli ta’ kumplikazzjonijiet severi għall-Covid-19 għandhom jiddiskutu l-kwistjoni mat-tabib tagħhom l-ewwel.
Sa ftit ilu, in-nisa kienu avżati biex ma joħorġux tqal wara li jkunu ħadu t-tilqima tal-Covid-19 u biex ma jirċivuhiex jekk diġà tqila. Iżda nhar il-Ġimgħa l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrevediet il-pożizzjoni tagħha dwar il-vaċċin speċifikament ta’ Moderna.

Huma tennew li m’hemm, “l-ebda raġuni speċifika biex temmen li se jkun hemm riskji speċifiċi li jkunu akbar mill-benefiċċji tat-tilqim għal nisa tqal.”
In-nisa tqal li huma f’riskju għoli ta’ espożizzjoni għall-Covid-19, bħal ħaddiema fil-kura tas-saħħa, jew dawk li forsi għandhom ċerti vulnerabbiltajiet li jpoġġuhom f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet jekk jieħdu l-virus, għandhom jitkellmu mat-tabib tagħhom dwar jekk għandhomx jieħdu t-tilqima.
Jidher ukoll li l-parir huwa simili anke għall-vaċċin tal-Pfizer, it-tip l-ieħor ta’ vaċċin li bħalissa qed jingħata f’pajjiżna.