L-ERA Tistieden Lill-Organizzaturi Tat-Tlielaq Biex Jagħtu Importanza Akbar Lis-Sostenibbiltà

ERA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed terġa’ tistieden lill-organizzaturi ta’ tiġrijiet u avvenimenti sportivi biex jagħmlu s-sostenibbiltà parti integrali mill-attivitajiet tagħhom, wara r-rispons pożittiv li kisbet din l-inizjattiva fis-snin preċedenti.

Permezz ta’ miżuri sempliċi u prattiċi, diversi tiġrijiet irnexxielhom inaqqsu l-iskart u jħeġġu lill-parteċipanti jagħmlu għażliet aktar favur l-ambjent.

L-esperjenza wriet li s-sostenibbiltà tista’ tiġi integrata faċilment fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti sportivi, mingħajr ma tnaqqas mill-esperjenza tal-parteċipanti.

Hekk kif it-tiġrijiet f’Malta qed ikomplu jiġbdu lejhom aktar nies, dawn qed joffru opportunità importanti biex titqajjem kuxjenza dwar it-tnaqqis tal-iskart, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-konsum responsabbli.

Kemm atleti professjonali kif ukoll familji li jieħdu sehem f’attivitajiet komunitarji jistgħu jkunu parti minn din il-bidla pożittiva, li l-benefiċċji tagħha jestendu lil hinn mill-ġurnata tal-avveniment.

Għalhekk, l-ERA qed terġa’ toffri l-appoġġ tagħha lill-organizzaturi li jixtiequ jintroduċu prattiċi aktar sostenibbli fit-tiġrijiet u f’avvenimenti sportivi oħra li qed jippjanaw fix-xhur li ġejjin.

Fost il-miżuri li jistgħu jiġu adottati hemm it-tnaqqis tal-użu ta’ prodotti li jintużaw darba biss, il-promozzjoni ta’ alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw u t-tixrid ta’ messaġġi favur l-ambjent permezz tal-komunikazzjoni marbuta mal-avveniment.

Din l-inizjattiva mhux biss tgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali, iżda tinkoraġġixxi wkoll bidla fid-drawwiet ta’ kuljum u ssaħħaħ l-għarfien dwar l-importanza ta’ ambjent aktar nadif u b’saħħtu.

L-organizzaturi interessati huma mistiedna jimlew il-formola tal-applikazzjoni li tinsab fuq https://era.org.mt/sustainable-races/.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sas-16 ta’ Novembru. Permezz ta’ aktar avvenimenti sportivi sostenibbli, kulħadd jista’ jagħti sehmu biex il-benefiċċji ta’ dawn l-attivitajiet ikunu jinħassu mhux biss mill-parteċipanti u l-ispettaturi, iżda wkoll mill-ambjent.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI