Il-Membru Parlamentari u Ministru Roderick Galdes sellem il-memorja tal-ewwel għalliema tiegħu fil-Kindergarten, Ottilia Terribile, li ħalliet din id-dinja fl-aħħar sigħat.
F’messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Galdes qal li ħass xokk meta sar jaf bil-mewt tagħha, u fakkar b’nostalġija l-ewwel passi tiegħu fl-edukazzjoni taħt il-gwida tagħha. “L-ewwel għalliema li kelli fl-iskola, fil-Kindergarten. Xokk illum meta sirt naf li ħallietna Ottilia Terribile,” kiteb Galdes.
Huwa qal li għadu jiftakar sew iż-żmien meta kienet introduċietu għall-ewwel passi fl-edukazzjoni, u ddeskriva l-mod kif kienet tieħu ħsieb it-tfal. “Għadni ma nistax ninsa ż-żmien meta tajtni l-ewwel passi fl-edukazzjoni u l-mod kif kont tieħu ħsieb it-tfal, bħallikieku kienu parti mill-familja tiegħek,” żied jgħid.
Fil-messaġġ tiegħu, Galdes sellem il-memorja tagħha u rringrazzjaha tas-sehem tagħha fil-ħajja ta’ tant studenti li għaddew minn idejha matul is-snin. Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’sellima sempliċi iżda sinifikanti, “Strieħ fis-sliem, għażiża.”
F’isem it-tim ta’ Gwida, inwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha tagħha!
Facebook / Ottila Terribile