“L-Għan Tiegħi Dejjem Kien Wieħed Ċar: Li Nsaħħu Diskussjoni Matura U Rispettabbli” – Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg fuq il-mezzi soċjali tagħha tikteb, “fl-aħħar ġimgħat tellaqna diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett tal-ewtanażja volontarja assistita. L-għan tiegħi dejjem kien wieħed ċar: li nsaħħu diskussjoni matura u rispettabbli fuq suġġett delikat. B’mod ġenerali nemmen li dan irnexxielna.”

Hi tispjega, “Il-fażi tas-sottomissjonijiet online li ngħalqet ilbieraħ ma tfissirx it-tmiem ta’ d-diskussjonijiet dwar is-suġġett. Il-konsultazzjoni tkompli wkoll anke frott l-analiżi tas-sottomissjonijiet li daħlu. Dan il-proċess ser jieħu ż-żmien iżda matulu ser inkomplu nisimgħu. Bħala bażi għad-diskussjoni preżentajna dokument serju li qanqal diskussjoni wiesgħa.”





Rebecca tgħid, “Fost l-eluf ta’ sottomissjonijiet, kien hemm min sempliċiment iddikjara li jaqbel u min li ma jaqbilx. Kien hemm anke min spjega għaliex jemmen li l-proposti mhumiex biżżejjed. Daħlu wkoll numru sostanzjali ta’ kontribuzzjonijiet tekniċi, kif ukoll esperjenzi ta’ nies li missew ma’ realtajiet iebsa.”

Hi tkompli tgħid, “Sodisfatta wkoll li l-proċess wassal ukoll biex jitqanqlu djalogi importanti fosthom dwar il-kura paljattiva – qasam li l-Gvern ilu jinvesti fih u se jkompli jagħmel dan. Kif dejjem għamilniha ċara waħda ma teskludix lill-oħra, tant li d-dokument innifsu li ppubblikajna jirreferi għall-kura paljattiva bħala l-ewwel għażla.”

Rebecca żżid, “Iżda, d-diskussjoni li kellna wriet kif anke l-aqwa kura paljattiva tista’ ma tkunx biżejjed għal min ikun għaddej minn tbatija insapportabbli fi tmiem il-ħajja. Irrid nirringrazja lil kull min ta sehmu sal-lum. Fuq kollox grazzi il min kellu l-kuraġġ jiġi fil-laqgħat pubbliċi jaqsam l-esperjenzi personali tiegħu. Ikkonvinċejtuni iktar kemm kien pass għaqli li din id-diskussjoni tibda fuq livell nazzjonali.”



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI