Statistiċi ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għall-Ġunju 2025 dwar it-turiżmu li daħal f’Malta jikkonfermaw is-suċċess tal-viżjoni u l-istrateġija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), li għandhom l-għan li jkabbru r-rata ta’ tkabbir fl-industrija, sabiex jinfirex il-benefiċċju tat-turiżmu matul is-sena kollha. Dan qed isir sabiex ikompli d-diversifikazzjoni tas-swieq tat-turiżmu, kemm minn pajjiżi Ewropej qrib, kif ukoll minn swieq aktar imbiegħda bħall-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina, l-Asja u l-Awstralja – waqt li dejjem jibqa’ l-għan li nattiraw turiżmu ta’ kwalità u valur ekonomiku ogħla lejn il-Gżejjer Maltin.
L-infiq mit-turisti li żaru Malta u Għawdex f’Ġunju laħaq kważi €396 miljun, żieda ta’ 19.1% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena rekord 2024, żieda li hija kważi doppju tar-rata ta’ żieda fin-numru ta’ turisti li żaru l-pajjiż (li kienet ta’ 10.8%). Din it-tendenza pożittiva ta’ rata ta’ tkabbir fl-infiq ogħla mir-rata ta’ żieda fin-numru ta’ turisti kienet konsistenti fl-ewwel nofs tas-sena, b’żieda fl-infiq totali ta’ 21% li qabżet il-€1,564,000, meta mqabbla ma’ żieda ta’ 13.5% fin-numru ta’ viżitaturi.
L-akbar numru ta’ turisti li żaru Malta u Għawdex fl-ewwel sitt xhur kienu ta’ bejn 25 u 44 sena – 661,391 persuna, segwiti minn dawk ta’ bejn 45 u 64 sena – 583,255 persuna. Fit-tielet post ġew dawk ta’ bejn 0 u 24 sena b’total ta’ 345,850, u fl-aħħar post dawk ta’ 65 sena u aktar – 215,234 turist. L-ogħla rata ta’ tkabbir ġiet irreġistrata fil-grupp ta’ 65 sena u aktar b’żieda ta’ 25.2%, segwita minn dawk ta’ 45 sa 64 sena b’żieda ta’ 18.3%. Ir-rata l-aktar baxxa ta’ tkabbir kienet fost dawk ta’ bejn 0 u 24 sena – b’żieda ta’ 5.8%.
Il-medja tat-tul tal-waqfa baqgħet stabbli f’inqas minn sitt iljieli, iżda kien hemm żieda ta’ 14.4% fin-numru ta’ turisti li qattgħu aktar minn 7 iljieli fil-Gżejjer tagħna.
Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bl-appoġġ sħiħ tal-istakeholders tal-industrija u taħt id-direzzjoni politika tal-Viċi Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu u l-Affarijiet Barranin, Dr Ian Borg, tinsab fit-triq it-tajba fil-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-industrija tat-turiżmu f’Malta – sabiex niżguraw is-sostenibbiltà u l-profittabilità fit-tul ta’ dan is-settur ewlieni tal-ekonomija Maltija għal ħafna snin oħra, qal Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv tal-MTA.