L-Iskrining Tal-Kanċer Tas-Sider Jista’ Jibda Minn Età Iżgħar F’Malta

Possibbli li fil-futur qarib aktar nisa f’Malta jkollhom aċċess għal skrining għall-kanċer tas-sider minn età iżgħar, hekk kif qed jiġu kkunsidrati pjani biex l-età tal-bidu tinżel għal 45 sena.

Bħalissa, il-programm nazzjonali tal-iskrining jinkludi nisa bejn il-51 u d-69 sena. Madankollu, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iskrining qed jikkunsidra li jespandi s-servizz, sabiex aktar nisa jkunu jistgħu jiskopru l-marda kmieni.

Il-konsulent tas-saħħa pubblika Sascha Reiff spjega li anke jekk id-data lokali ma turix żieda sinifikanti fil-każijiet fost nisa ta’ bejn l-40 u d-49 sena, studji internazzjonali juru li hemm benefiċċju ċar meta l-iskrining jibda minn età iżgħar.

Fil-fatt, rakkomandazzjonijiet riċenti mill-istituzzjonijiet Ewropej qed jissuġġerixxu li l-iskrining jibda minn 45 sena.

Fl-istess waqt, qed jiġu ppjanati wkoll diversi titjib fis-servizz. Fosthom magna ġdida tal-mammogrammi, aktar radiographers u anke l-użu tal-intelliġenza artifiċjali biex tgħin lir-radjoloġisti jinterpretaw ir-riżultati. Sadanittant, il-Fondazzjoni Action for Breast Cancer qed tkompli tħeġġeġ biex l-iskrining jitwessa’ għal nisa iżgħar, hekk kif qed tara aktar nisa fit-tletinijiet tagħhom ifittxu appoġġ.

Iċ-chairperson tal-fondazzjoni, Esther Sant, qalet li llum il-ġurnata d-dijanjosi bikrija qed issir aktar komuni. Hija wissiet ukoll li kanċer tas-sider f’età iżgħar ħafna drabi jkun aktar aggressiv. Il-messaġġ ewlieni jibqa’ wieħed ċar: iktar ma l-marda tinstab kmieni, iktar ikun hemm ċans ta’ kura b’suċċess.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI