L-MEP’s Alex Agius Saliba U Daniel Attard Finalisti Fl-MEP Awards 2026

Iż-żewġ MEPs Maltin, Alex Agius Saliba u Daniel Attard, ġew magħżula fost il-finalisti tal-MEP Awards 2026, b’rikonoxximent għall-ħidma tagħhom fil-Parlament Ewropew f’oqsma differenti.



Alex Agius Saliba ġie nnominat għall-kategorija Digital Champion and Innovation Award, li tagħti ġieħ lill-MEPs li qed jgħinu biex jiffurmaw il-futur diġitali tal-Ewropa u jippromwovu l-innovazzjoni madwar il-kontinent. Min-naħa tiegħu, Daniel Attard ġie magħżul bħala finalist fil-kategorija Sustainable Tourism Award, li tirrikonoxxi l-isforzi favur politiki turistiċi sostenibbli, inklużivi u mmirati lejn il-futur fl-Ewropa.



Meta rreaġixxa għan-nomina tiegħu, Alex Agius Saliba qal li dan ir-rikonoxximent jagħtih aktar motivazzjoni biex ikompli jaħdem b’dedikazzjoni f’isem il-poplu Malti u Għawdxi fi Brussell. F’kitba fuq il-midja soċjali, huwa ddeskriva n-nomina bħala vot ta’ fiduċja li jagħtih aktar determinazzjoni sabiex jirrappreżenta lil Malta u Għawdex bl-aħjar mod possibbli fil-Parlament Ewropew.



L-MEP Awards jagħtu ġieħ lill-membri tal-Parlament Ewropew minn madwar l-Unjoni Ewropea li jkunu taw kontribut sinifikanti fl-oqsma politiċi rispettivi tagħhom matul il-leġiżlatura. Issa, iż-żewġ MEPs Maltin se jikkompetu ma’ finalisti oħra minn diversi pajjiżi Ewropej fil-kategoriji rispettivi tagħhom, hekk kif jistennew l-eżitu finali tal-premjijiet.

Ritratti:

Facebook / European Parliament in Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI