Nhar is-Sibt li ġej, 12 ta’ Lulju, mit-8pm ’il quddiem, se tkun qed tittella’ l-attività ‘Lejla f’Santa Venera’ fejn diversi għaqdiet Vendriżi se jkunu qed jesebixxu x-xogħol tagħhom flimkien ma’ kunċert mill-grupp Kantera u d-duo Dario u l-Muni. Fil-fatt, din il-lejla se tkun ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li hu Malti, sew jekk hux ikel, festi jew inkella l-arti tal-piroteknika.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u s-Sindku ta’ Santa Venera, Gianluca Falzon. Intqal kif din l-attività hija parti mill-kullana ta’ attivitajiet kulturali li qed jittellgħu mid-diversi kunsill lokali bl-għajnuna ta’ skema ta’ finanzjament maħruġa propju għal attivitajiet kulturali.

Ġie spjegat li fost l-attrazzjonijiet ewlenin se jkun hemm l-Għaqda tan-Nar 26 ta’ Lulju, li se tesebixxi materjal u għodod li jintużaw mill-pirotekniċi sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar ix-xogħol tagħhom. Jikkumplimentaw lill-pirotekniċi se jkun hemm ukoll dawk li jaħdmu fil-Festa Esterna tal-istess lokalità fosthom il-Kummissjoni Festa Esterna u s-Soċjetà Filarmonika Santa Venera.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif tinsab sodisfatta li l-kunsilli lokali qed jieħdu rwol daqshekk importanti f’dawn l-attivitajiet kulturali, fejn il-komunità tal-lokalità rispettiva u kif ukoll il-pubbliku jista’ jmur jiddeverti u fl-istess ħin jitgħallem.
“Lejla f’Santa Venera hija eżempju ta’ kif il-kultura, it-tradizzjoni u s-sens ta’ komunità jingħaqdu f’attività waħda. Id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, qed tappoġġja dawn l-inizjattivi bi skemi dedikati għall-attivitajiet kulturali, biex kull lokalità tingħata l-opportunità li turi l-wirt tagħha, tressaq lin-nies flimkien u fl-istess ħin inqajmu sens ta’ kburija bil-lokalitajiet tagħna, din id-darba propju fil-lokalità ta’ Santa Venera,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Santa Venera, Gianluca Falzon, spjega li diversi għaqdiet Vendriżi se jieħdu sehem f’din l-attività fosthom l-Malta Girl Guides li ser itellgħu għadd ta’ attivitajiet fosthom archery u logħob u kif ukoll diversi bankarelli ta’ ikel, ħelu u xorb, kif ukoll kunċert mill-grupp Kantera u duo Dario u l-Muni.
“Inħeġġeġ lill-Vendriżi kollha sabiex jattendu għal din l-attività, kif ukoll lill-Maltin u Għawdxin kollha li jixtiequ jsiru jafu x’toffri l-lokalità u jieħdu gost f’din is-serata għall-familja kollha. Permezz ta’ din l-attività nixtiequ nwasslu t-tradizzjonijiet u dak kollu li toffri din il-lokalità. Mhux hekk biss, iżda ħsibna wkoll li niftħu 4 parkeġġi biex b’hekk innaqqsu mill-problema tal-parkeġġ,” temm jgħid is-Sindku ta’ Santa Venera, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi nhar is-Sibt li ġej mit-20:00 ’il quddiem.