Is-Surmast Lelio Spiteri, jaqsam storja paranormali, storja li minkejja li l-kbar qatt ma raw xejn, jidher li t-tfal żgħar li jingħad li huma xi ftit aktar sensittivi għall-paranormal, kienu jgħidu li qed jaraw xi ħaġa mhux tas-soltu.
Hu jikteb, “Ilni ntella’ u nniżżel niktibx dan li ġej jew le. Matul iż-żmien, anke riċenti, ġieli għadda minn għala widnejja li fl-iskola tal-Vajrinġa qed jinstemgħu xi ħsejjes jew jidhru xi sinjali strambi. Ħa nkun dirett u ċar.”
Is-Surmast ikompli, “Kemm domna l-iskola tal-Vajrinġa, qatt ma rajt jew smajt xi ħaġa lil hinn min-normal, anke meta dħalt kemm-il darba fil-binja fi tmiem il-ġimgħa, filgħaxija jew anke matul il-lejl. Iva, mhux darba u tnejn kelli nitla’ minn Għajnsielem biex fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu nitfi l-alarm, wara li jkunu ċempluli mill-għassa tar-Rabat.”
Hu jtemm jgħid, “Li hu żgur però hu li t-tfal ta’ klassi partikulari tal-Kinder, sena wara sena, qalulna kemm-il darba li qed jaraw tifla liebsa l-abjad fis-saqaf tal-klassi. It-tfal kienu jippuntaw lejha u jitbissmulha għax kienu jieħdu gost biha. Aħna l-adulti qatt ma rajna xejn. Interessanti hux!”