“Lill-Klijent Trid Tfittex Li Tgħinu U Mhux Tbellagħlu. Mhux Se Nidħak Bih L-Aqwa Li Nbigħ.” – Manuel Deguara

Manuel u Rita Deguara minn Deguara Ironmongery permezz tal-paġna lokali The People of Malta, jaqsmu l-esperjenza tagħhom bħala sidien ta’ ħanut li ilu miftuħ madwar 40 sena.

Manuel jirrakkonta, “Ilna miftuħin 40 sena. Ftaħna dan il-ħanut taż-żebgħa fl-10 ta’ Settembru, 1984. Erbat ijiem qabel twieled Saviour, wieħed mit-tfal. Jumejn qabel miet missieri Salvu, li tant kien ħeġġiġni biex niftaħ dan il-ħanut. Kien qalli: “Iftaħ il-ħanut għax it-tfal iġibu r-risq.” Kif se niftħu ħalliena hu, ħabta u sabta. Għaddejt ġimgħa mimlija emozzjonijiet, minn ferħ, għal biki, għall-ftuħ tal-ħanut. Però nħoss li missieri dejjem baqa’ hawn miegħi preżenti.”

Hu jkompli, “Missieri kien armat b’ħanut tal-merċa, hawn f’Ħal Balzan stess. Meta ried iżarma, riedni nieħu l-ħanut. Imma ma xtaqtx. Għax grocer għandek iktar rabta, u iktar xogħol. Hawn, fil-hardware stores jew kif ħafna jafuh bħala ironmongery jew ħanut taż-żebgħa, tiftaħ u xħin lest tagħlaq u tmur id-dar.”





Manuel jitkellem dwar il-bidla fil-karriera tiegħu, “Qabel kont naħdem kull tip ta’ għamara għax speċjalizzajt fl-injam. U għalhekk għażilt li narma b’dan il-ħanut. Kont waqaft minn mastrudaxxa u ftaħt hawn għax ma ridtx inkompli naħdem man-nies. Ma jiddispjaċinix li għamilt dan il-pass. Peress li ħdimt f’diversi xogħlijiet manwali, kien ta’ vantaġġ għalija li niftaħ harware store. Kuljum fis-6.30am inkun hawn u qattt ma naf li għidt ma rridx immur ix-xogħol.”

Hu jżid, “Il-mara tiġi hawn fil-ħanut kuljum. Dejjem kienet u għadha ta’ sapport… il-qassis kien qalli biex noħodha fit-tajjeb u l-ħażin, fix-xogħol u fis-saħħa, u jiena hekk għamilt…obdejtu! Maż-żmien tgħallmet ukoll u dejjem laħqet ma’ kollox; mal-familja, mat-tfal, mal-faċendi u anki tiġi tgħinni l-ħanut. llum hawn ukoll it-tifel Alan li se jkompli warajja.”

Manuel jgħid, “Maż-żmien dejjem taġġorna u tkabbar u timxi ‘l quddiem. Lill-klijent trid tfittex li tgħinu u mhux tbellagħlu. Mhux se nidħak bih l-aqwa li nbigħ. U meta tkun ġenwin, il-klijent jerġa’ jiġi jixtri mingħandek. Issa għandna 70 sena, stajt irtirajt, imma mbagħad? X’nagħmel? Aħjar niġi hawn u nitkellem man-nies milli noqgħod id-dar. Hawn mhux ħanut imma nqisu bħala dar oħra, iltqajt ma’ ħafna nies u għamilt il-ħbieb.”

Facebook / Deguara Ironmongery Balzan



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI