Il-Kirkop Music Festival ser jirritorna bit-tielet edizzjoni tiegħu b’avveniment li jwiegħed li jiftaħ is-sajf b’mod spettakolari, hekk kif għall-ewwel darba f’Ħal Kirkop se jdoqq live l-ikona internazzjonali tad-dance DJ SASH!

Din l-edizzjoni qed timmarka pass importanti għall-festival, peress li se tkun l-ewwel darba li artist internazzjonali oriġinali se jkun qed joffri wirja live fil-lokalità. L-avveniment se jsir nhar il-Ħamis, 30 ta’ April 2026, lejlet festa pubblika, u huwa mistenni jattira udjenza kbira ta’ dilettanti tal-mużika.
DJ SASH! huwa magħruf mad-dinja kollha għas-suċċessi tiegħu bħal Ecuador, Stay, Encore Une Fois u Mysterious Times, li baqgħu popolari sal-lum speċjalment fost dawk li jħobbu l-mużika tas-snin 90. Il-preżenza tiegħu mistennija toffri spettaklu mimli enerġija u atmosfera unika li se tgħolli l-livell tal-festival.

Minbarra l-headliner internazzjonali, il-festival se jinkludi wkoll numru ta’ DJs Maltin magħrufa, fosthom Chris Funkytown, Ryan Spiteri, Ziggy u Pierre Cordina, li flimkien se joffru lejl sħiħ ta’ divertiment.
Il-Kirkop Music Festival qed ikompli jissaħħaħ bħala avveniment komunitarju li mhux biss joffri divertiment ta’ kwalità, iżda wkoll jappoġġja kawża importanti. Fil-fatt, din l-edizzjoni se terġa’ ssir b’risq ALS Malta+.

Bħas-snin ta’ qabel, il-festival se jibqa’ b’dħul b’xejn, sabiex kulħadd ikun jista’ jattendi u jgawdi lejl ta’ mużika, divertiment u għaqda. L-organizzaturi qed iħeġġu lill-familji, ħbieb u dilettanti tal-mużika, speċjalment dawk tas-snin 90, biex jingħaqdu flimkien għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Aktar dettalji dwar il-programm u l-attivitajiet tal-festival jistgħu jinkisbu mill-paġni uffiċjali tal-Kirkop Music Festival fuq il-midja soċjali.