“Ma U Pa – Inħobbkom Esaġerat, U Proprju Għalhekk Ilna Ma Nitgħannqu – Tinsewx; Għax Għalina L-Imħabba Hija Kollox” – Pamela Bezzina

Ħafna jinsabu ‘l bogħod minn dawk li jħobbu f’dan iż-żmien. Ir-raġuni ewlenija hija l-pandemija u n-numri li qed naraw jiżdiedu fl-aħħar jiem. L-artista lokali Pamela Bezzina ħalliet messaġġ fuq Facebook lil ommha u missierha. Messaġġ mill-qalb.

Hi kitbet, “Kemm kien żmien isbaħ meta stajt immur Għawdex bla ħsieb, nidħol għand ommi u missieri u ngħannaqhom bla ma jtellifni u jwaqqafni xejn! Ma kienx jonqos xi platt ikel ġenwin u divin, u siegħat twal magħhom nitkellmu u nidħku bla ebda maskra li tgħatti l-espressjonijiet u t-tbissim!”

“Illum naħsibha elf darba qabel naqsam, u niddeċiedi dejjem li nibqa’ barra biex inkellimhom, għax hekk inħoss li għandi nagħmel – bid-dmugħ f’għajnejna nispiċċaw dejjem; “ara kif spiċċajna” – frażi li tingħad ma’ kważi kull sentenza! Imma b’tama ta’ żmien ġejjieni aħjar!”

“Illum daqqa oħra ta’ ħarta bin-numru rekord ta’ każi – u jien f’dawn it-tnejn min-nies l-iktar li naħseb! Ilu sena issa minn meta għannaqtkom sewwa! M’aħniex waħedna, għax ara kemm hawn bħalna; u aħna qed nagħmlu t-tajjeb mhux min qed jgħid li issa xeba’ u qisu bid-dritt jiġi għalabiebu! Kemm aħna sew – għax nixbgħu jiġifieri nagħmlu fattina! Mhux ta’ b’xejn id-dinja ta’ taħt fuq – inkluż il-fatt li għandna dan il-virus – kollox mill-egoiżmu beda!”

Hi tagħlaq bil-kliem, “Ma u Pa – inħobbkom esaġerat, u propju għalhekk ilna ma nitgħannqu – tinsewx; għax għalina l-imħabba hija kollox.”





Facebook / Pamela Bezzina



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI