Ftit sigħat biss wara li tat rigal lill-fans bl-ewwel kanzunetta tal-album li ġej tagħha, Confessions II, Madonna dehret bħala mistiedna speċjali ta’ sorpriża waqt is-sett ta’ Sabrina Carpenter fil-Festival tal-Mużika ta’ Coachella.
Il-folol għajtu bil-kbir hekk kif il-band ta’ Carpenter bdiet iddoqq il-ħoss inkonfondibbli tad-diska ta’ tant suċċess ta’ Madonna tal-1990, Vogue. Madonna dehret fuq il-palk u ż-żewġ kantanti kantaw flimkien anke kanzunetti ġodda li għadhom ma nstemgħux.
Id-dehra saret 20 sena wara li Madonna kantat f’Coachella fejn kantat diski minn Confessions on a Dancefloor. Fil-fatt Madonna kienet liebsa l-istess żarbun u ġakketta li kienet liebsa żewġ deċennji ilu.
Madonna mbagħad kantat silta mill-kanzunetta tagħha Get Together wara li tkellmet dwar l-astroloġija u x-xewqa li kulħadd ikun unit. Eżatt wara, Madonna u Sabrina kantaw Like a Prayer ta’ Madonna u ngħaqad magħhom fuq il-palk kor tal-gospel.