Il-Kap tal-Operat tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, is-Surmast Aurelio Belli, qed jingħata l-aħħar tislima bħalissa fil-Bażilika Kolleġjata ta’ Santa Liena f’Birkirkara. L-aħbar xokkanti li ħalliena is-Surmast Belli ħarġet il-Ħadd li għadda wara li għal ħames snin sħaħ kien qed jiġġieled kontra l-kanċer.
Meta ħabbret id-dettalji tal-funeral fuq il-midja soċjali, martu Gloriana Arpa Belli esprimiet il-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li kienu ta’ sostenn lill-familja—kemm fil-mumenti diffiċli meta offrew faraġ u appoġġ, kif ukoll fi żminijiet ta’ ferħ meta qasmu miegħu t-tama u l-fiduċja. Belli jħalli warajh ukoll tifla.
Iċ-ċerimonja bdiet b’korteo li telaq mill-Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own, akkumpanjat mill-banda tal-istess għaqda, u mexa lejn il-Bażilika. Wara, id-difna se ssir fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid.
Matul il-funeral qed tinġabar donazzjoni għall-Community Chest Fund, li kien ta’ għajnuna kbira lil Belli tul il-marda tiegħu.
TVMnews / Wirt Malta