Malta Fost L-Aqwa Destinazzjonijiet Fid-Dinja Biex Wieħed Jirtira Fihom!

Malta meqjusa fost l-aqwa għaxar pajjiżi fid-dinja bħala waħda mill-aħjar postijiet fejn int tista’tirtira fl-2025, skont stħarriġ internazzjonali ppubblikat mill-magażin rinomat CEOWORLD. Din ir-riċerka globali tqis diversi fatturi li jolqtu l-kwalità tal-ħajja tal-irtirati, u l-klassifika hi meqjusa bħala referenza importanti għal dawk li qed jikkunsidraw li jgħixu barra minn pajjiżhom wara l-irtirar.

Malta kisbet punteġġ ta’ 63.2 minn massimu ta’ 100, u b’hekk ikklassifikat fit-tmien post minn total ta’ 80 pajjiż analizzat. Dan ir-riżultat jikkomferma l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni popolari u attrajenti għal dawk li qed ifittxu stil ta’ ħajja kwiet, sigur u b’sens ta’ komunità wara karriera twila.

L-istħarriġ sar fuq skala globali u ġabar il-fehmiet ta’ 126,000 parteċipant minn diversi pajjiżi. L-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq għadd ta’ kriterji ewlenin, fosthom il-livell ta’ stabbiltà politika u ekonomika, is-sistema tat-taxxa, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-infrastruttura, l-ispiża tal-għajxien, il-klima, u s-sens ta’ komunità li wieħed isib f’dawk id-destinazzjonijiet.

Malta rebħet punti b’mod partikulari għall-istil ta’ ħajja Mediterranju, is-sigurtà pubblika, u l-fatt li ħafna jitkellmu bl-Ingliż, li jagħmilha aktar aċċessibbli għal komunitajiet barranin.

Din il-klassifika tkompli tissaħħaħ l-immaġni ta’ Malta bħala pajjiż ideali mhux biss għall-vaganzi, iżda wkoll bħala ambjent stabbli u komdu fejn wieħed jista’ jgħix b’serħan il-moħħ fix-xhur jew is-snin ta’ wara l-irtirar.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI