Jidher li s-sajf se jidħol fl-iktar fażi sħuna tiegħu, hekk kif matul il-jiem li ġejjin Malta mistennija tesperjenza żieda sostanzjali fit-temperaturi. Skont l-aħħar tbassir tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, sa nofs il-ġimgħa d-dieħla t-temperatura li tinħass tista’ tilħaq sa 42°C, riżultat tal-kombinazzjoni bejn is-sħana, l-umdità u r-riħ ħafif.
Din se tkun l-ogħla temperatura irreġistrata s’issa matul dan is-sajf, hekk kif il-mewġa ta’ arja sħuna li qed taffettwa partijiet kbar tal-Ewropa mistennija tkompli tinħass ukoll fuq il-Gżejjer Maltin. Sadanittant, it-twissija Yellow dwar is-sħana għadha fis-seħħ, filwaqt li l-Indiċi UV se jibqa’ għoli ħafna, fil-livell 10, li jfisser li l-esponiment dirett għax-xemx jista’ jkun ta’ riskju, speċjalment matul il-ħinijiet ta’ nofsinhar.
Lanqas il-ħinijiet ta’ billejl mhumiex mistennija joffru ħafna serħan, hekk kif it-temperatura mistennija tibqa’ madwar il-25°C, u b’hekk il-ġranet u l-iljieli se jibqgħu sħan. L-awtoritajiet qed jagħtu parir lill-pubbliku biex jixrob biżżejjed ilma, jevita attivitajiet fiżiċi intensi matul l-aktar sigħat sħan tal-ġurnata u jieħu ħsieb b’mod partikolari persuni vulnerabbli, fosthom it-tfal żgħar, l-anzjani u dawk li jbatu b’kundizzjonijiet mediċi.