F’pajjiż żgħir bħal Malta, il-Covid-19 wieħed jista’ jgħid li tista’ tiġi kkontrollata malajr iżda fl-istess ħin tista’ tinfirex malajr ukoll minħabba d-densità tagħna. Sal-bieraħ, pajjiżna kien jinsab fir-raba’ post fost pajjiżi ħafna ikbar minna.
Dan il-kalkolu sar billi qabbel il-każijiet tal-pajjiżi għall-popolazzjoni tagħhom u b’hekk ħareġ kemm hemm każi pożittivi kull 100,000 persuna. Filwaqt li l-pajjiżi l-oħra baqgħu fejn kienu, tul l-aħħar jiem Malta qabżet mis-sitt post għar-raba’ post li hu kemxejn għoli.
Wieħed jittama li n-numri jkompli neżlin. Nhar il-Ġimgħa, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-moving average ta’ Malta issa qabeż il-200 każ. Hemm bżonn li nieħdu ħsieb u nimxu mal-miżuri, meta wieħed jibda jillaxxka, wieħed jibda jara aktar każijiet.
Barra minn dan, għandna wkoll il-varjant li jinfirex b’rata ħafna aktar mgħaġġla u b’hekk għandna nieħdu kull prekawzjoni possibbli.