Wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fl-istorja ta’ Malta jista’ dalwaqt jingħata ħajja ġdida fuq l-iskrin internazzjonali. Fil-fatt, bħalissa hemm żewġ proġetti televiżivi separati li qed jiġu żviluppati dwar l-Assedju l-Kbir tal-1565, wieħed minnhom marbut mal-attur u direttur magħruf mad-dinja kollha Mel Gibson.
Gibson, li hu magħruf għal produzzjonijiet bħal Braveheart, The Passion of the Christ u Hacksaw Ridge, ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem fuq il-possibbiltà li joħloq sensiela televiżiva dwar il-ġrajja storika li fiha l-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Maltin irnexxielhom jirreżistu l-attakk tal-Imperu Ottoman.
Fl-2024, Gibson kien żar Malta biex jesplora postijiet li jistgħu jintużaw għall-ġbid ta’ din il-produzzjoni, filwaqt li kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela. F’intervista li kien ta lill-midja internazzjonali, huwa kien esprima l-entużjażmu tiegħu għal din l-istorja, filwaqt li saħaq li Malta hija l-post ideali fejn għandha tinġibed.
Minkejja li għadu ma ġiex ikkonfermat meta jista’ jibda l-ġbid, rapport ippubblikat fi Frar tal-2026 minn Screen Global Production indika li Gibson għadu interessat li jwettaq dan il-proġett. Madankollu, minħabba l-impenji tiegħu fuq The Resurrection of the Christ, il-ġbid tas-sensiela ma kienx mistenni jibda matul din is-sena.
Iżda l-aktar ħaġa interessanti hi li din mhijiex l-unika produzzjoni internazzjonali li qed tiġi żviluppata dwar l-Assedju l-Kbir. Sensiela oħra, bit-titlu The Order, diġà tinsab fi stadju attiv ta’ żvilupp u mistennija tibda tinġibed f’Malta fl-2027. Din se tkun magħmula minn tmien episodji u hija bbażata fuq ir-rumanz storiku tal-awtur Malti Peter Portelli.
Il-kitba tas-sensiela tinsab f’idejn Stephen Poliakoff, kittieb Ingliż rebbieħ ta’ diversi premjijiet prestiġjużi, fosthom BAFTA u Emmy. Il-produzzjoni se tkun f’idejn Little Island Productions u Hopefield, b’kollaborazzjoni mal-Malta Film Commission. The Order mistennija tesplora mhux biss il-battalji tal-Assedju l-Kbir, iżda wkoll l-intriċċi politiċi, ir-relazzjonijiet bejn il-karattri u d-deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu f’dak il-perjodu kruċjali tal-istorja.
Jekk dawn iż-żewġ proġetti jimmaterjalizzaw, l-Assedju l-Kbir tal-1565 jista’ jerġa’ jqajjem interess konsiderevoli madwar id-dinja, filwaqt li jagħti opportunità lil miljuni ta’ telespettaturi jiskopru kapitlu straordinarju mill-istorja ta’ pajjiżna.
Lil hinn mill-benefiċċji li produzzjonijiet bħal dawn jistgħu jġibu lill-industrija lokali tal-films, hemm ukoll il-valur kulturali u storiku. Dawn huma stejjer li ffurmaw l-identità tagħna bħala poplu u li għandhom il-potenzjal li jolqtu udjenzi ferm lil hinn minn xtutna.