Omm li sa ftit żmien ilu kienet qed tiġġieled il-kanċer tistqarr li l-ikbar biża’ tagħha ma kinitx mill-mewt iżda minn dak li kien se jħoss binha ta’ 7 snin jekk hi titlef il-ġlieda tagħha kontra l-kanċer.
“It-tifel kien għadu żgħir u ma ridtx li jikber jgħid li ommu mietet meta kellu 7 snin,” sostniet l-omm waqt il-maratona tal-Istrina li bħalissa tinsab fl-aħħar ftit sigħat tagħha.
Hi titkellem dwar kemm kien diffiċli għaliha l-mument meta skopriet li kellha kanċer u ssemmi kif minkejja kollox, kienet iżżomm lura milli tibki għall-ġid ta’ binha.
“It-tifel liz-zija tiegħu kien qalilha, ‘il-mummy dejjem tibki’… u minn dakinhar waqaft nibki,” tirrakkonta l-omm.
L-omm, li b’xorti tajba llum il-ġurnata rkuprat sew, tfaħħar bis-sħiħ il-ġid li tagħmel il-Malta Community Chest Fund u ssemmi kemm kien importanti għaliha l-għajnuna li ngħatat mingħandhom.
Hekk kif bħalissa l-maratona tal-Istrina tinsab fl-aħħar ftit sigħat tagħha, nħeġġu lil kulħadd sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu!
Facebook / L-Istrina