Pantomima Li Tgħaqqad Il-Familja – Alice F’Dal-Pajjiż Tal-Meravilji Tieħu L-Ħajja F’Dar Il-Mediterran

Il-produzzjoni Alice F’Dal-Pajjiż Tal-Meravilji, imtellgħa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, offriet esperjenza pjaċevoli u adattata għall-familja li llum il-ġurnata sabet postha fost l-attivitajiet festivi tal-Milied. Minkejja li kienet produzzjoni li timxi fuq il-format klassiku tal-pantomima, kien hemm diversi elementi li tawha enerġija li ġiet apprezzata mill-udjenza, speċjalment dawk li attendew flimkien mat-tfal.

Żieda pożittiva kienet il-parteċipazzjoni ta’ Danita flimkien ma’ binha Lenny, li ġabu magħhom ċertu awtentiċità fuq il-palk. Ir-relazzjoni tagħhom bejn omm u tifel kienet speċjali u ħolqot dinamika unika. Bl-istess mod, il-preżenza tal-personalità lokali Marvic Camilleri, magħruf minn Big Brother Malta, żiedet fattur ta’ familjarità li żgur għenet biex tattira u tinvolvi aktar lill-pubbliku Malti.



Mingħajr dubju, l-aktar parti b’saħħitha tal-panto kienet l-involviment dirett tat-tfal. L-interazzjoni spontanja bejn id-dama u t-tfal fl-udjenza ħolqot mumenti ġenwini, mimlija daħk u reazzjonijiet naturali, li huma spiss l-aktar aspetti memorabbli f’din it-tip ta’ produzzjoni. Dawn ir-rimarki improvizzati taw lill-ispettaklu sens ta’ spontanjetà li diffiċli tinkiseb biss permezz ta’ skript, u għamlu lill-udjenza żgħira tħossha parti integrali mill-istorja.



Aspett ieħor li jixraqlu tifħir kien il-kontribut tal-band live, li żiedet dimensjoni aktar dinamika u professjonali lill-produzzjoni. Il-mużika kienet interpretata b’mod sod u konsistenti, u tat spinta ċara lill-enerġija fuq il-palk. Il-kant, b’mod partikolari, kien ta’ livell tul l-ispettaklu kollu, insemmu b’mod speċjali lil Mariah Mangion u Petra Zammit, li taw prestazzjonijiet vokali mill-aqwa u konvinċenti, u li spikkaw għall-kontroll u l-preżenza tagħhom fuq il-palk.



Ta’ min isemmi wkoll li l-għażla tal-kanzunetti kienet waħda intelliġenti u adattata sew għall-udjenza fil-mira. Il-mużika, li kienet familjari u aċċessibbli, ġiet milqugħa tajjeb mill-pubbliku u kkontribwiet biex jinħoloq ambjent aktar dinamiku u involviment li baqa’ konsistenti tul l-ispettaklu kollu.

Alice F’Dal-Pajjiż Tal-Meravilji rnexxielha toffri divertiment adattat għall-familja, b’diversi mumenti ġenwini u memorabbli li żgur jibqgħu f’moħħ dawk li attendew, speċjalment it-tfal li kienu fil-qalba tal-esperjenza.

Aqta’ l-biljetti billi tidħol HAWN.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI