Meta L-Ġisem Jinħall Hemm Tibda L-Maħfra – Il-Psikologu Nicholas Briffa

F’kitba li laqtet b’mod profond lil ħafna, il-psikologu Malti Nicholas Briffa jitkellem dwar il-maħfra mhux kif sikwit nisimgħu biha, iżda kif verament tinħass. Mhux bħala deċiżjoni morali, u lanqas bħala dikjarazzjoni li dak li ġara kien sew jew aċċettabbli, imma bħala proċess intern li jseħħ fil-ġisem u fis-sistema nervuża.

Il-maħfra, jispjega Briffa, ħafna drabi tinftiehem ħażin. Huwa jikteb li l-maħfra mhix kwistjoni ta’ min kellu raġun jew min żbalja. Fil-fatt, ftit li xejn għandha x’taqsam ma’ dan kollu.

Skont kliemu, il-maħfra hija dak li jiġri “meta l-ġisem u s-sistema nervuża jieqfu jkunu tensi. Meta x-xedaq jirrilassa. Meta s-sider jillaxka.” Hija bidla sottili, kważi silenzjuża, imma li ġġib magħha serħan reali.



Briffa jitkellem ukoll dwar kif ħafna minna nibqgħu nżommu storja mwaħħla fina, mhux għax irridu, imma għax darba kienet meħtieġa biex nibqgħu għaddejjin. Il-maħfra, skontu, tibda fil-mument “meta ma tibqax taħli l-enerġija biex iżżomm storja fik biss biex tibqa’ tgħix magħha.”



U forsi l-aktar riflessjoni qawwija f’dak li kiteb hi din: il-maħfra mhix xi ħaġa li nagħmlu għal ħaddieħor. Hija għażla li nagħmlu għalina nfusna.

Il-psikologu jiddeskriviha bħala “rilaxx intern. Qisek tiftaħ serratura minn ġewwa. Mhux għall-persuna l-oħra, imma għalik innifsek.” Hija l-mument li fih tiddeċiedi li tieqaf iġġorr dak li diġà ħadlek wisq enerġija, wisq paċi, wisq minnek.

F’dinja li kultant tgħaġġel biex tgħidlek taħfer, qabel ma tagħtik spazju biex tħoss, kliem bħal dan ifakkarna li l-maħfra mhix obbligu u lanqas pass li trid tagħmlu malajr. Hija proċess. U xi kultant, tibda sempliċement meta l-ġisem jieqaf jissikka, u inti tħalli l-piż jinżel ftit.



Ritratti:

Facebook / Nicholas Briffa

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI