“Meta L-Omm Titbiegħed Mit-Tarbija… Is-Sistema Nervuża Kważi Titlef Il-Kontroll.” – Il-Psikologu Nicholas Briffa

Il-psikologu Nicholas Briffa jispjega għaliex it-trabi jirreaġixxu b’mod qawwi meta jitbiegħdu mill-ġenituri tagħhom. Il-psikologu Nicholas Briffa qasam spjegazzjoni interessanti dwar dak li jiġri fit-trabi meta jitbiegħdu mill-omm jew mill-persuna li tieħu ħsiebhom fl-ewwel xhur tal-ħajja.

Permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, Briffa spjega kif għal tarbija ta’ ftit ġimgħat jew xhur, il-firda mill-omm tqanqal reazzjoni bijoloġika qawwija ħafna, fejn il-livelli tal-ormoni tal-istress jogħlew drastikament u s-sistema nervuża tidħol fi stat ta’ allarm.

Huwa sostna li fl-ewwel xhur tal-ħajja, it-trabi għadhom ma jistgħux jirregolaw lilhom infushom la emozzjonalment u lanqas fiżjoloġikament. Għalhekk, għandhom bżonn il-preżenza kontinwa tal-omm, tal-missier jew ta’ persuna stabbli li tieħu ħsiebhom biex iħossuhom siguri u kalmi.



Nicholas Briffa spjega wkoll li l-preżenza tal-ġenituri tgħin lit-tarbija tirregola affarijiet essenzjali bħar-ritmu tal-qalb, it-temperatura tal-ġisem u anke l-irqad. Minħabba f’hekk, meta t-tarbija titħalla waħedha, il-ġisem tagħha jista’ jinterpreta s-sitwazzjoni bħala periklu serju.



Skont il-psikologu, għal tarbija żgħira, li tkun waħedha jista’ jfisser nuqqas ta’ protezzjoni, nutriment u kumdità, tant li l-ġisem jirreaġixxi bħallikieku hemm “mewt imminenti”. Huwa għalhekk li l-biki tat-trabi ħafna drabi jkun immedjat u intens, bħala sinjal ta’ emerġenza.

Madankollu, Briffa enfasizza li permezz ta’ preżenza konsistenti, kura sensittiva u rispons kontinwu mill-ġenituri jew carers, it-tarbija tibda gradwalment tifhem li mhix waħedha u li dejjem hemm min se jirritorna għaliha.

Huwa temm jgħid li proprju minn dawn l-esperjenzi jibda jinbena sens ta’ sigurtà interna u rabta sigura, li aktar ’il quddiem tgħin lit-tfal jitgħallmu jikkalmaw lilhom infushom, jafdaw lin-nies u jħossuhom aktar siguri fid-dinja ta’ madwarhom.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI