“M’Hemm L-Ebda Futur Għalina Mingħajr Ġustizzja” – Andrew Caruana Galizia F’Għeluq Snin Ommu Daphne

Andrew Caruana Galizia qasam messaġġ qawwi u emozzjonanti f’jum li fih ommu, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kienet tkun qed tiċċelebra għeluq it-62 sena tagħha. Fil-messaġġ tiegħu, Andrew mar lura disa’ snin, għall-aħħar għeluq snin ommu li ċċelebraw flimkien, meta Daphne kienet għalqet 53 sena.

“Disa’ snin ilu llum iċċelebrajna għeluq it-53 sena ta’ ommi. Waqt li konna qed nitkellmu u nidħku waqt l-ikla, dawk li qattluha kienu qed josservaw u jistennew opportunità biex ipoġġu splussiv qawwi taħt is-seat tax-xufier tal-karozza tagħha,” kiteb Andrew. Huwa spjega li din is-sena qatta’ l-ġurnata ta’ għeluq snin ommu fil-Qorti, ftit passi ’l bogħod mir-raġel akkużat li ordna u ffinanzja l-assassinju tagħha. Andrew qal li waqt is-seduta sema’ lill-avukat tad-difiża jistaqsi lill-ġurija jekk hu u l-familja tiegħu humiex verament interessati fil-ġustizzja.

Ir-risposta tiegħu kienet ċara, “M’hemm l-ebda futur għalija u għall-familja tiegħi mingħajr ġustizzja.” Andrew tkellem ukoll dwar għaliex, minn mindu nqatlet ommu, il-familja dejjem fakkret l-anniversarju tal-mewt tagħha iżda sabitha diffiċli wisq biex tfakkar għeluq sninha. Huwa spjega li ma setgħux iħalltu l-memorji ta’ ferħ mal-uġigħ tat-telfa u r-rabja li ġġib magħha dik li jqisu bħala inġustizzja li għadha ma ġietx magħluqa.

Madankollu, temm il-messaġġ tiegħu b’ħarsa lejn jum li jittama li għad jasal. Andrew qal li meta jasal il-jum li fih il-persuna responsabbli biex temmet ħajjet ommu tispiċċa minsija, il-familja tkun tista’ tibda tiċċelebra lil Daphne għall-persuna straordinarja li kienet, proprju fil-jum li fih twieldet.

Daphne Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017, fl-età ta’ 53 sena.

Ritratti:

Facebook / Mandy Mallia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI