Studenti Tas-Savio College Jingħaqdu Flimkien Biex Jgħinu Lil Puttinu Cares U L-Qtates Tat-Triq

Dak li beda b’cupcakes maħruqa u msiemer imsammra mgħawġin spiċċa f’żewġ inizjattivi ta’ solidarjetà li permezz tagħhom studenti tas-Savio College għenu kemm lil Puttinu Cares kif ukoll lil qtates tat-triq. L-istudenti dan l-aħħar temmew module ta’ Project Based Learning, parti mill-programm The King’s Trust, fejn minflok lezzjonijiet tradizzjonali kellhom l-opportunità jitgħallmu permezz ta’ esperjenzi prattiċi u xogħol f’tim.

L-istudenti nqassmu f’żewġ gruppi, b’kull wieħed jingħata proġett differenti li kellu l-għan li jagħmel differenza fil-komunità. L-ewwel grupp organizza bake sale b’risq Puttinu Cares. L-istudenti kellhom jieħdu ħsieb il-baġit, ifittxu r-riċetti u jippreparaw il-prodotti huma stess. Iżda l-ewwel tentattiv ma marx kif ippjanat hekk kif l-ewwel cupcakes inħarqu.

Minflok qatgħu qalbhom, l-istudenti reġgħu kkalkulaw l-ingredjenti, aġġustaw il-forn u ppruvaw mill-ġdid. Din id-darba rnexxielhom, u l-bejgħ kien suċċess. Il-profitti kollha nġabru b’risq Puttinu Cares, li joffri appoġġ lil pazjenti bil-kanċer u lill-familji tagħhom. It-tieni grupp għażel li jgħin fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali. Permezz ta’ pallets tal-injam mogħtija minn ġenitur, l-istudenti bdew jibnu xelters reżistenti għat-temp għal qtates tat-triq.

Anke hawn ma naqsux l-isfidi. F’mument minnhom, wieħed mill-istudenti samma diversi msiemer mgħawġin u dan seta’ jaffettwa l-istruttura tax-xelter. Student ieħor iżda ddeċieda minn jeddu li juża l-ħin tal-brejk tiegħu biex ineħħi l-imsiemer u jirranġahom ħalli sħabu jkunu jistgħu jkomplu bil-proġett. Bl-appoġġ tal-għalliem tagħhom u Learning Support Educator, l-istudenti tgħallmu jaqtgħu l-injam, jużaw il-martell u jagħmlu xogħol ta’ plastering.

Permezz ta’ NGO li taħdem fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali, saru jafu b’persuna f’Marsaskala li tieħu ħsieb kolonja żgħira ta’ qtates tat-triq u li kellha bżonn xelters għalihom. Ix-xelters mibnija mill-istudenti ngħataw għal dawn il-qtates sabiex ikollhom kenn mix-xemx qawwija tas-sajf u mill-kesħa tax-xitwa.

L-edukatur tal-istudenti sostna li l-akbar sodisfazzjon ma kienx il-prodott finali, iżda l-bidla li ra fihom matul il-proġett. Minn studenti li fil-bidu kienu xi ftit inċerti, saru aktar indipendenti, ħadu responsabbiltà u tgħallmu jikkomunikaw u jgħinu lil xulxin meta sabu ruħhom quddiem xi diffikultà.

Esperjenza li turi li kultant huma proprju l-iżbalji — cupcake maħruq jew musmar mgħawweġ — li jwasslu għall-akbar lezzjonijiet. Fuq kollox, dawn l-istudenti wrew kif proġett edukattiv jista’ jmur lil hinn mill-klassi u jħalli impatt pożittiv fuq il-komunità.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI