“Minflok Ngħidu Lit-Tfal Biex Jieqfu Jibku, Irridu Noħolqulhom Ambjent Fejn Huma Jħossuhom Siguri Biżżejjed Biex Jibku” – Nicholas Briffa

Permezz ta’ kita fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa qasam messaġġ rigward it-trobbija tat-tfal u l-iżvilupp emozzjonali.

Beda billi qal, “‘....U ejja tibkix’. Kultant ngħiduha faċilment lit-tfal. Imma dak li jistgħu jifhmu t-tfal permezz ta' din il-frażi hu: "Dak li qed tħoss huwa ħażin". l-biki mhux imġiba ħażina. Huwa wieħed mill-modi kif il-ġisem joħroġ id-dwejjaq, il-biża', il-frustrazzjoni, id-diżappunt, l-uġigħ u dak kollu li jkun qed itaqqalna. Xi drabi t-tfal għad m'għandhomx parti mill-lessiku tagħhom l-kliem biex ifissrulna dak li propju qed iħossu, u allura jitkellmu d-dmugħ minflok il-kliem.”

Żied, “U iva, xi drabi tifel jew tifla jistgħu jibku għax iridu xi ħaġa. Dan ma jfissirx li għandna nċedu. Nistgħu nżommu l-boundaries u fl-istess ħin nagħtuhom il-faraġ: "Għandek raġun tkun imdejjaq. Mhux faċli tisma' l-kelma le. Aħna hawn għalik". B'dan il-mod ngħallmuhom xi ħaġa importanti ħafna: li s-sentimenti tagħhom huma aċċettabbli, anke meta ma jistgħux jieħdu dak li jridu.”

Qal ukoll, “It-tfal għandhom bżonn jitgħallmu li d-dwejjaq huma normali. Il-biża' hija normali. Id-diżappunt huwa normali. Ir-rabja hija normali. Il-frustrazzjoni hija normali. Li tonqsok persuna huwa normali. In-niket huwa normali. U d-dmugħ huwa normali. Il-biki jista' jgħin biex tinħeles it-tensjoni emozzjonali, u li wieħed jitgħallem jagħraf u jesprimi dak li qed iħoss huwa parti importanti mill-iżvilupp psikoloġiku.”

Temm billi qal, “Għalhekk, minflok ngħidu lit-tfal biex jieqfu jibku, irridu noħolqulhom ambjent fejn huma jħossuhom siguri biżżejjed biex jibku. Agħtihom dirgħajk, il-preżenza tiegħek u l-faraġ tiegħek, anke meta kont int li kellek tgħid le jew tpoġġi limitu għal dak li jridu. Tifel/tifla mhux dejjem għandu bżonn xi ħadd li jwaqqaflu d-dmugħ. Xi drabi għandu bżonn biss ikun jaf li m'għandux għalfejn jibki waħdu...”

Ritratti:

Nicholas Briffa

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI