Ir-riħ mill-Punent ser ikun qed jiddomina l-kundizzjonijiet tat-temp illum, hekk kif Mid-Djarju Tat-Timba wissiet li matul il-ġurnata l-intensità tiegħu ser tkompli tiżdied u tilħaq Forza 7, b’buffuri f’xi nħawi li jistgħu jinħassu aktar kesħin.
Skont it-tbassir ippubblikat aktar kmieni llum, ir-riħ mill-Punent / Punent Majjistru mistenni jissaħħaħ b’mod gradwali, iżda mhux mistenni jdum għal ħafna, hekk kif sa għada għandu jbatti sew.
Il-jum mistenni jibda b’temp sabiħ u xemxi, iżda s-sitwazzjoni ser tinbidel hekk kif javvanza l-ħin. Skont l-istess sors, aktar tard dalgħodu u lejn wara nofsinhar is-sħab ser jibda jiżdied b’mod notevoli.
Bejn l-16:00 u l-17:00, hemm indikazzjonijiet li jistgħu jaslu l-ewwel sħab tax-xita, li f’xi nħawi jaf ikun b’saħħtu. Mhux eskluż lanqas li jseħħu sajjetti u beraq qrib jew fuq il-gżejjer Maltin.
Minħabba r-riħ qawwi u l-possibbiltà ta’ maltempati lokalizzati, ingħata parir biex jinżammu taħt kontroll l-oġġetti li jinsabu barra, partikolarment il-qsari u affarijiet ħfief oħra fuq gallariji jew terrazzini, peress li hemm ċans ta’ silġ f’xi nħawi.
Is-sewwieqa u dawk li ser joħorġu filgħaxija huma mħeġġa joqogħdu attenti għat-tibdil rapidu fil-kundizzjonijiet tat-temp. Għal aktar aġġornamenti, wieħed għandu jsegwi l-paġna ta’ Mid-Djarju Tat-Timba hekk kif is-sitwazzjoni tkompli tiżviluppa matul il-ħinijiet li ġejjin.