“M’Intix Waħdek. Ħajtek Għandha Tifsira.” – L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“M’intix waħdek. Ħajtek għandha tifsira.” Dan kien il-messaġġ qawwi li wassal l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi lil kull min għaddej minn sfidi marbuta mas-saħħa mentali. Waqt il-quddiesa tal-Ħadd fil-Kappella tal-Madonna tal-Karmelu fl-Isptar Monte Karmeli, l-Isqof saħaq li persuna li titlob l-għajnuna m’għandhiex titqies bħala dgħajfa. Għall-kuntrarju, huwa fakkar fl-importanza li wieħed ifittex l-għajnuna meta jkollu bżonnha.

“Lil kull min qed jgħix b’xi sfida ta’ saħħa mentali: ftakar li int prezzjuż u prezzjuża quddiem Alla. Għandek post f’din il-komunità. Ħajtek għandha tifsira. U li titlob l-għajnuna mhuwiex dgħufija, anzi hija ħtieġa,” qal l-Isqof. Fl-omelija tiegħu, Monsinjur Galea-Curmi tkellem ukoll dwar dawk li jkunu qrib persuni li qed jesperjenzaw diffikultajiet fis-saħħa mentali. Huwa fakkar li l-familjari u l-ħbieb ukoll jistgħu jkollhom bżonn sapport u akkumpanjament.

Saħaq fuq il-ħtieġa li bħala soċjetà nitkellmu dwar is-saħħa mentali b’mod aktar miftuħ u rispettuż, mingħajr ġudizzju. Spjega wkoll li l-imħabba Nisranija ma tfissirx li wieħed jinjora jew jaċċetta mġiba li tista’ tkun ta’ ħsara, iżda li wieħed jaġixxi b’kompassjoni filwaqt li dejjem iħares id-dinjità tal-persuna. L-Isqof temm b’talba biex ikollna “għajnejn biex naraw lil min qed ibati, widnejn biex nisimgħu mingħajr ġudizzju, qlub biex nakkumpanjaw, u għerf biex ninkoraġġixxu kura xierqa”.

Huwa talab ukoll biex il-Knisja tkompli tkun komunità fejn persuni jsibu fejqan, tama, dinjità u kompassjoni, u fuq kollox biex kull min bħalissa qed jissielet mas-saħħa mentali jkun jaf li huwa maħbub u li mhuwiex waħdu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI