Nisa Laburisti kienu fost dawk li tkellmu dwar il-qtil ta’ Miriam Azzopardi fejn l-allegat qattiel qed jiġi akkużat b’femiċidju.
Bdew billi qalu, “Għadna kemm esperjenzajna t-tieni omiċidju tas-sena u t-tnejn li huma kienu femiċidji. Tlifna nisa, ommijiet, bniet, nies maħbuba. Kull omiċidju huwa weġgħa. Iżda kull femiċidju huwa traġedja li tiekolna minn ġewwa.”
Żiedu, “L-unika messaġġ li jwasslu dawn il-femiċidji huwa li d-dinja mhijiex sigura biżżejjed għall-mara biex tgħix ħajja dinjituża fil-paċi. Telfa oħra ta’ mara oħra tkompli tnaqqar mill-fiduċja tal-mara, u tkompli toħloq il-firda bejn il-mara u r-raġel. Iżda Miriam mhijiex numru ieħor u nirrifjutaw li nibqgħu niftakruha għal mewtha. Għandna niftakruha għall-ħajja li għexet, għall-ferħ li ħolqot u għad-doni mill-isbaħ li kienet imsawra bihom.”
Qalu wkoll, “Iktar minn qatt qabel għandna induru lejn l-edukazzjoni bħala ċ-ċavetta ewlenija li twassal għall-ugwaljanza u r-rispett bejn is-sessi. Li nedukaw lit-tfal, lill-irġiel, lin-nisa, lil kulħadd, li l-mara m'hija oġġett ta' ħadd, li l-vjolenza twassal għall-konsegwenzi u li r-rabja ma tiskuża l-ebda azzjoni mhijiex sempliċiment ta' importanza, iżda għandha tingħata prijorità nazzjonali. L-ebda mara ma hija ħielsa sakemm kull mara tkun ħielsa.”
Insellmu l-memorja tagħha.
Miriam Azzopardi