Mistenni Jersaq Maltemp Lejn il-Gżejjer Maltin Aktar Tard Illum

Jidher li sistema ta' maltemp qed tavviċina lill-Gżejjer Maltin mill-Punent Majjistru matul il-ġurnata tal-lum, bil-possibbiltà li ġġib magħha sħab oħxon u xi ħalbiet tax-xita. Skont it-tbassir, il-parti l-kbira tas-sistema mistennija tgħaddi bejn Malta u Sqallija. Madankollu, hemm il-possibbiltà li din titbaxxa ftit fir-rotta tagħha u tgħaddi qrib Għawdex jew saħansitra aktar fin-naħa t'isfel tal-arċipelagu.

Il-ġurnata mistennija tibda b'sema parzjalment imsaħħab, għalkemm mhux se jonqsu wkoll perjodi twal ta' xemx. It-temperatura massima mistennija tilħaq it-33°C, filwaqt li l-inqas temperatura se tkun ta' madwar 27°C. It-temperatura tal-baħar tibqa' pjaċevoli, madwar 28°C, filwaqt li se jkun qed jonfoħ riħ moderat mix-Xlokk.

Għaldaqstant, minkejja li mhux mistenni maltemp qawwi fuq il-gżejjer kollha, huwa rakkomandat li wieħed iżomm ruħu aġġornat matul il-ġurnata hekk kif il-moviment tas-sistema jista' jinbidel.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI