Mistenni Spettaklu Kbir Waqt Il-Kunċert Ta’ Lejliet L-Ewwel Tas-Sena Fil-Kottonera

NYE 2026

Għal sena oħra se jkun qed jittella’ l-kunċert ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena f’Baċir numru 1, fil-Kottonera.

Din l-attività saret waħda sinonima mal-bidu ta’ sena ġdida, hekk kif għal dawn l-aħħar snin, il-Fondazzjoni Kottonera, dejjem rat li tittella’ attività ta’ livell sabiex isellem is-sena li tkun se tispiċċa u tagħti merħba lis-sena l-ġdida.

Id-dettalji dwar din l-attività tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.

F’din il-konferenza intqal kif għal din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem il-grupp Kantera, u l-artisti Matthew James u Ira Losco, filwaqt li l-kunċert ser ikun preżentat minn Ray Calleja u Dorianne Mamo.

Iżda, apparti l-mużika se jkun hemm ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru u kif ukoll spettaklu bid-drones. Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, qalet kif din l-attività issa daħlet fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, hekk kif diversi nies qed jagħżlu l-Kottonera f’dan il-lejl ta’ bidu ta’ sena ġdida.



“L-attività li qed inħabbru llum, hija waħda mid-diversi attivitajiet li l-Fondazzjoni Kottonera qed tħejji matul issena, madankollu din tibqa’ l-ikbar attività tal-Fondazzjoni. Fl-aħħar snin il-potenzjal tal-Kottonera qiegħed dejjem jiġi espost aktar u jitgawda mill-Maltin u l-barranin kollha li jżuru dawn in-naħat. Għalhekk, din l-attività tal-ewwel tas-sena se tkun opportunità oħra sabiex wieħed jibda is-sena fl-isfond sabiħ tas-swar u l-fortifikazzjonijiet flimkien mal-mużika u l-ispettakli preparati se jkunu qed joffru attività mill-isbaħ, kemm lin-nies tal-Kottonera u anke l-dawk li se jagħżlu li jqattgħu dan lejliet l-ewwel tas-sena fil-Kottonera,” qalet is-Segretarju Parlamentari.



Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li bħala Gvern kommessi li nibqgħu inkun ta’ sostenn sabiex dawn l-attivitajiet li jkomplu jseħħu u jagħtu ħajja ta’ kwalità aħjar lir-residenti, opportunitajiet lil artisti Maltin u fuq kollox jgħaqqdu l-komunitajiet f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, qal kif fl-aħħar ġimgħat il-ħaddiema fi ħdan il-Fondazzjoni kienu impenjati sabiex iħejju għal din l-attività li se toffri lill-pubbliku spettaklu ta’ livell u kwalità għolja.



“Matul is-sena, bħala Fondazzjoni qed inkunu strumentali sabiex intellgħu għadd kbir ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li jkomplu jippromwovu l-Kottonera, iżda mhux biss, qed naraw li ngħinu f’kwalunkwe proġett li jista’ jkun ta’ sostenn għall-Kottonera. Madankollu din l-attività, li qed nitkellmu dwarha llum, hija l-ikbar attività li ttella’ l-Fondazzjoni Kottonera. Din is-sena komplejna naraw kif se nkomplu nsaħħuha. Dan permezz ta’ kantanti stabbiliti, preżentaturi mill-aqwa li jkomplu janimaw is-serata u għadna mħejji wkoll spettaklu ta’ nhar u tad-drones mill-isbaħ għal mad-daqq ta’ nofs il-lejl,” temm jgħid Joe Mizzi.

Intant, l-attività, nhar il-31 ta’ Diċembru ser tkun qed tibda fit-20:00 u tibqa’ għaddejja sas-siegħat bikrin tal-1 ta’ Jannar. It-trasport pubbliku, kif ukoll dak tas-servizz tal-ferry se jkun estiż fil-ħinijiet sabiex titnaqqas ilproblema tat-traffiku.

Din l-attività ser tkun qed titella’ mill-Fondazzjoni Kottonera bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u Visit Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI