Nanniet Jaħdmu L-Kutri – Huma Jagħtu Daqqa T'Id Kif Jafu Huma!

‘The Bag Ladies’ huma grupp ta’ nanniet nisa minn Union City l-Amerika li ta’ kull nhar ta’ Ħamis filgħodu jiltaqgħu biex jaħdmu flimkien għal kawża ġusta. L-għan ewlieni tagħhom huwa li jsalvaw l-ambjent u fl-istess ħin jgħinu lil dawk bla saqaf fuq rashom. B’attenzjoni kbira n-nanniet jaqtgħu basktijiet tal-plastik fi strixxi u jirrumblawhom flimkien.

Huma jsejħu dan il-ħajt ‘plarn’ u jużawh biex b’imħabba kbira jaħdmuh f’kutri ta’ tliet piedi b’sitt piedi li jagħtuhom b’donazzjoni lill-foqra u lill-vittmi tal-għargħar. Minkejja l-uġigħ mill-artrite, in-nanniet huma determinati li jkompli jaħdmu biex jgħinu aktar nies. Ħafna min-nanniet stqarrew li dan ix-xogħol sar qisu vizzju, u aktar ma taħdem kutri aktar tkun trid taħdem. Huma jinsabu sodisfatti li qed jagħmlu differenza f’ħajjet dawn in-nies.

“Jiena m’iniex mitlufa. Ġejt magħmula għalik. Jekk qed tħoss il-kesħa u għandek bżonni, tista’ teħodni.” Hekk taqra nota ma’ diversi xalel tas-suf ikkuluriti mdendlin ma’ kullimkien f’park f’Vermont. L-anzjana li taħdem dawn ix-xalel għandha biss għan wieħed, dak li x-xalel tagħha jservu biex iżommu sħan lill-persuni fil-bżonn.

Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil persuni simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI