Aħbar mill-isbaħ għall-kantant Malti Nathaniel Attard, hekk kif din il-ġimgħa se jkun qed itir lejn Hamburg biex jibda kapitlu ġdid fil-karriera mużikali tiegħu. Share Talent Management ħabbru li Nathaniel intgħażel biex jaħdem bħala Lead Vocalist ma’ AIDA Cruises, u fil-jiem li ġejjin se jibda l-provi tiegħu f’Hamburg bi preparazzjoni għal din l-esperjenza ġdida.
Din l-opportunità għandha tifsira aktar speċjali għal Nathaniel hekk kif l-audition li wasslitu għal dan ir-rwol ma kinitx biss l-ewwel waħda tiegħu ma’ Share Talent Management, iżda kienet ukoll l-ewwel audition professjonali li qatt għamel. Minkejja li kienet l-ewwel esperjenza tiegħu f’audition professjonali, Nathaniel irnexxielu jimpressjona u jikseb din l-opportunità importanti li se tarah juża t-talent tiegħu bħala wieħed mill-vokalisti ewlenin abbord AIDA Cruises.
"Ma nistgħux inkunu aktar kburin," kitbu Share Talent Management fil-messaġġ tagħhom, filwaqt li awgurawlu għal dan is-suċċess. Minn Gwida, nawguraw lil Nathaniel ħafna suċċess f’din l-avventura ġdida u nittamaw li tkun il-bidu ta’ ħafna aktar opportunitajiet fil-karriera tiegħu!
Instagram / Nathaniel Attard