Clive Piscopo qasam messaġġ mill-aktar emozzjonanti b’tifkira ta’ kunjatu, hekk kif illum qed jiġi mfakkar l-ewwel għeluq sninu minn mindu ħalla din id-dinja. Fil-messaġġ tiegħu, Clive għażel li jmur lura eżatt sena, għal mument sempliċi iżda li llum sar memorja imprezzabbli. Dakinhar, il-familja kienet kollha miġbura f’għalqa biex tiċċelebra għeluq snin kunjatu.
Fost il-ferħ u l-preżenza tal-familja, it-tnejn sabu ruħhom bilqiegħda ħdejn xulxin għal ftit ħin waħedhom. Clive jiftakar lil kunjatu jħares madwaru kuntent u fil-kwiet, b’dik li ddeskriva bħala “nofs tbissima mqarba” fuq xufftejh. "Għedtlek, ‘sabiħ meta nkunu hekk, hux?'" irrakkonta Clive. It-tweġiba li rċieva kienet waħda sempliċi iżda li llum għandha tifsira ferm akbar, "Xi trid iktar minn hekk?"
Kien mument ta’ kuntentizza pura, imdawwar bl-aktar affarijiet sempliċi u importanti fil-ħajja – il-familja, in-neputijiet jiġru madwaru u tazza nbid f’idu. Hija proprju din ix-xbieha li Clive jixtieq iżomm f’qalbu hekk kif illum qed ifakkar lil kunjatu f’dan il-jum partikolari.
"Fl-ewwel birthday tiegħek mingħajrek, hekk nixtieq niftakrek. Kuntent. Imdawwar bil-familja tiegħek u bin-neputijiet jiġru... U b’tazza nbid," kiteb. Clive temm il-messaġġ tiegħu bi kliem qasir li jiġbor fih in-nuqqas u l-imħabba li jibqgħu wara t-telfa ta’ persuna għażiża: “Happy birthday fis-sema, kunjat.”
Tifkira sabiħa ta’ mument li sena ilu seta’ deher wieħed mill-ħafna, iżda li llum sar wieħed minn dawk il-mumenti li jibqgħu jgħixu għal dejjem fil-memorja.
Facebook / Clive Piscopo