Shaian, waħda mill-Adria Twins, qasmet messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali hekk kif illum qed tfakkar żewġ persuni għeżież ħafna għaliha – missierha u n-nanna tagħha. Ilbieraħ kien jaħbat erba’ snin u seba’ xhur minn meta Shaian tilfet lil missierha, filwaqt li fl-istess jum il-familja kienet tiċċelebra għeluq snin in-nanna tagħha.
“Illum 4 snin u 7 xhur mingħajrek, pa. U fl-istess jum niċċelebraw għeluq snin in-Nanna,” kitbet Shaian, filwaqt li ddeskriviet din il-ġurnata bħala waħda mimlija emozzjonijiet. Fil-messaġġ tagħha, Shaian esprimiet ukoll ix-xewqa li ż-żewġ persuni għeżież għaliha jinsabu flimkien u għadhom iħarsu lill-familja tagħhom.
“Nispera li minn hemm fuq qegħdin ħdejn xulxin, tarawna u tħarsuna,” kompliet tikteb. Shaian temmet il-messaġġ tagħha bi kliem li juri kemm il-memorja tagħhom għadha ħajja fi ħdan il-familja: “Inħossu n-nuqqas tagħkom kuljum. Għal dejjem f’qalbna. Inħobbkom.”
Messaġġ mill-qalb li jfakkar kif, minkejja li jgħaddi ż-żmien, in-nuqqas tal-persuni li nkunu ħabbejna jibqa’ jinħass, filwaqt li l-memorji tagħhom jibqgħu magħna.
Facebook / Adria Twins