Illum is-sema ġab miegħu, spettaklu partikolari hekk kif madwar 67 ċikonja bajda waslu fuq il-Gżejjer Maltin waqt il-vjaġġ migratorju tagħhom.
L-Organizzazzjoni BirdLife Malta kienet infurmata mill-imsieħba tagħha barra minn Malta li numru ta’ ċikonji bojod li qed jiġu segwiti permezz tal-GPS kienu fi triqithom lejn il-gżejjer. Uħud mill-għasafar għandhom apparat ta’ tracking bħala parti minn riċerka internazzjonali mmexxija minn ornitoloġisti Ġermaniżi, bl-għan li jinftiehmu aħjar il-movimenti u r-rotot migratorji ta’ din l-ispeċi.
Il-vjaġġ tagħhom kien wieħed partikolarment interessanti. Minflok għaddew mir-rotta aktar fil-Punent lejn l-Afrika permezz tal-Istrett ta’ Ġibiltà, dawn segwew rotta fiċ-ċentru u l-Lvant tal-Mediterran, billi għaddew mill-Italja u Sqallija qabel komplew lejn Malta. Iċ-ċikonji li kienu qed jiġu osservati waslu Malta għall-ħabta tas-1:30pm, flimkien ma’ qatgħa għasafar oħra u b’hekk in-numru totali ammonta għal madwar 67 għasfur.
Fl-istess ħin, membri ta’ BirdLife Malta li kienu l-Buskett osservaw ukoll numru ta’ ajkli rari, fost uħud mgħammra b’satellite tags. BirdLife Malta ħeġġet lill-pubbliku biex igawdi dan l-ispettaklu minn distanza xierqa u ma jiddisturbax lill-għasafar, speċjalment jekk jinżlu jistrieħu jew iqattgħu l-lejl f’Malta.
L-għaqda fakkret ukoll li ċ-ċikonji bojod u l-għasafar tal-priża huma speċi protetti ħafna u appellat biex jingħataw passaġġ sigur matul il-migrazzjoni tagħhom. Kull min jinnota xi illegalità relatata ma’ dawn l-għasafar jew ma’ speċi protetta oħra huwa mħeġġeġ jirrapporta minnufih lil BirdLife Malta fuq 79255697 u lill-Pulizija fuq 119.