Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri żar designMT 2026, l-espożizzjoni nazzjonali ddedikata lid-disinn organizzata mill-Malta Crafts Foundation, li din is-sena qed tlaqqa’ flimkien disinjaturi u kreattivi Maltin u internazzjonali f’diversi spazji storiċi u kreattivi fil-Belt Valletta.
Waqt żjara fil-Kappella tal-Madonna tal-Pilar u l-Valletta Design Cluster, il-Ministru Schembri kellu l-opportunità jara għażla ta’ xogħlijiet li jlaqqgħu flimkien id-disinn kontemporanju, is-sengħa u l-identità kulturali. L-espożizzjoni mifruxa fil-kappella u s-sagristija tinkludi xogħlijiet fil-ġojjellerija, il-moda, l-arti u l-fwieħa, fost oħrajn, minn kreattivi Maltin kif ukoll parteċipanti internazzjonali.

Filwaqt li fil-Valletta Design Cluster, l-espożizzjoni ta’ designMT tinfirex fuq diversi livelli tal-binja u tinkludi għamara, ċeramika, dawl u oġġetti ta’ disinn. Fost il-proġetti hemm kollaborazzjoni internazzjonali bejn studenti tal-MCAST u Temasek Polytechnic ta’ Singapore, li permezz tad-disinn esploraw il-konnessjonijiet bejn iż-żewġ kulturi u skambjaw ideat u esperjenzi kreattivi.
Il-Ministru Schembri qal li inizjattivi bħal designMT huma importanti biex it-talent lokali jingħata pjattaforma fejn mhux biss jesponi xogħlu, iżda jiltaqa’ ma’ ideat, esperjenzi u perspettivi ġodda minn barra minn xtutna.

Din hija t-tielet edizzjoni ta’ designMT u l-aktar waħda fuq livell internazzjonali s’issa, b’parteċipazzjoni minn diversi pajjiżi Ewropej u mill-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll minn pajjiżi aktar imbiegħda fosthom iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u l-Istati Uniti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Crafts Foundation, Elton Micallef, qal li designMT qed tkompli tikber bħala pjattaforma li mhux biss tagħti viżibbiltà lid-disinn Malti, iżda toħloq ukoll spazju fejn dan jiġi diskuss u fejn jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni u skambju.

designMT 2026 qed tittella’ bejn it-28 ta’ Settembru sa nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru waqt Notte Bianca f’erba’ postijiet fil-Belt Valletta – l-Auberge d’Aragon, il-Fortress Builders, il-Kappella tal-Madonna tal-Pilar, u l-Valletta Design Cluster.
Se jkunu qegħdin isir erbgħa avvenimenti tematiċi li se jsiru bejn id-29 ta’ Settembru u t-2 ta’ Ottubru fl-Istitut Kulturali Taljan, Spazju Kreattiv, u fil-Kamra tal-Kummerċ.
Id-dħul għall-espożizzjonijiet huwa bla ħlas, aktar informazzjoni dwar il-programm u r-reġistrazzjoni tinsab fuq is-sit uffiċjali ta’ designMT.